IŻewġ kandidati li fl-ebda żmien ma kienu meqjusa fost il-favoriti jidhru li rnexxielhom jissorprendu lill-establishment politiku tat-Tuneżija – u meta huma qalu li ‘ir-rebħa kienet tagħhom’ wara l-ewwel rawnd tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-pajjiż.
Filwaqt li r-riżultati formali tal-elezzjoni għadhom ma daħlux, Kais Saied, professur tal-liġi konservattiv u Nabil Karoui, personalità ewlenija fil-midja, ikkwotaw l-ewwel indikazzjonijiet mill-elezzjoni li ħarġu fil-lejl li għadda u sostnew li ‘huma kienu avvanzaw sal-fażi deċiżiva tal-elezzjoni’ li għandha ssir ix-xahar id-dieħel.
F’każ ta’ konferma bir-riżultati uffiċjali ikun jidher ċar li l-elettorat tat-Tuneżija jkun qal ‘le’ għall-Gvernijiet konsekuttivi li sabuha diffiċli biex itejjbu l-kundizzjonijiet jew il-korruzzjoni fil-pajjiż.
Meta tkellem dwar l-exit polls, Kais Saied (li deher li kiseb l-aktar voti) fisser ir-riżultati bħala ‘simili għal rivoluzzjoni ġdida’. Hawnhekk deher li hu kien qed jirreferi għar-Rebbiegħa Ġdida storika tal-2011 li wittiet it-triq lejn Tuneżija demokratika, minbarra li xprunat numru ta’ rewwixti f’pajjiżi Għarab oħra u tal-Afrika.
Il-Prim Ministru tat-Tuneżija, żewġ eks Prim Ministri, il-Ministru tad-Difiża u eks President kienu fost il-personalitajiet kbar li kkontestaw l-ewwel fażi tal-elezzjoni tal-Ħadd – l-istess bħal kandidat tal-Ennahda, li hu partit Iżlamiku moderat.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Tuneżin, Youssef Chahed, waqt li ammetta t-telfa, sostna li ‘hu u s-sostenituri tiegħu rċevew il-messaġġ tal-poplu’.
Il-konkorrenza tal-votanti għall-ewwel fażi tal-elezzjoni kienet biss ta’ 45 fil-mija, bl-iżviluppi (skont l-aħħar indikazzjonijiet) jenfasizzaw il-frustrazzjoni tan-nies dwar l-ekonomija problematika, il-qgħad għoli, is-servizzi pubbliċi fqar u korruzjoni persistenti.
//= $special ?>