Sid ta’ ħanut fil-Belt, Valletta, li n-negozju tiegħu qala’ daqqa ta’ ħarta minħabba l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Bieb il-Belt ingħata s-somma ta’
€217,280 wara li kien fetaħ kawża għad-danni u dan minħabba li l-Awtorità tal-Artijiet naqqset milli toqgħod mal-obbligazzjonijiet kuntrattwali.
Raphael Briffa kien daħħal lill-Awtorità l-Qorti wara li minkejja l-wegħda li se tinstablu lokazzjoni alternattiva għan-negozju tiegħu u tal-familja, din qatt ma mmaterjaliżżat. Dan fisser telf finanzjarju fin-negozju tal-basktijiet u bagalji, liema negozju kien ilu fil-post sa mill-1948.
Dan in-negozju kien l-ewwek jinsab taħt fejn kien hemm it-Teatru Rjal fi Triq ir-Repubblika. Xnigħat li l-Gvern kien qed jippjana l-proġett ta’ riġenerazzjoni fil-kapitali, li jinkludi Bieb il-Belt u l-inħawi fil-viċinanzi, kien wassal biex il-familja Briffa tieħu ħanut ieħor f’Bieb il-Belt taħt l-arkati fi Pjazza Ħelsien.
Madankollu, hekk kif bdew ix-xogħolijiet ta’ riġenerazzjoni tal-Belt kapitali, min kellu xi ħanut jew propjetà hemm, ġie evakwat mis-sit, li llum huwa l-bini tal-Parlament, u għalhekk il-familja kellha ċċedi ż-żewġt ħwienet.
Skema ta’ kumpens li affettwat lil tal-ħwienet fissret li l-familja Briffa ħadet il-kumpens ta’ ftit aktar minn €200,000 għall-ħanut ta’ Pjazza Ħelsien u l-alternattiva tal-ħanut fl-arkati. Tal-aħħar ma kienx imexxi ħafna u l-familja kienet tilfet ħafna mill-bejgħ.
Pjanijiet biex isir xogħol fl-arkati u l-installar ta’ lift qatt ma mmaterjaliżża u dan bil-ħsieb biex jiżdiedu n-nies fl-inħawi. Il-familja kienet ilmentat mad-Dipartiment tal-Artijiet, li minn naħa tiegħu kien wiegħed li hekk kif tintemm il-kirja minħabba l-proġett, kienet se tingħata ħanut ieħor fi Triq l-Ordinanza l-Belt.
Kuntratt ta’ ftehim kien ġie ffirmat fl-2011. Madankollu ż-żmien għadda u l-Awtorità tal-Artijiet baqgħet ma għamlet xejn, fejn lanqas biss ħarġet sejħa għall-offerti għall-ħanut fi Triq l-Ordinanza.
Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, iddikjarat li l-Qorti ma tistax tiddeċiedi fuq it-terminazzjoni jew tal-kirja tal-ħanut fiu Triq l-Ordinanza. Deċiżjoni bħal din tkun qed tippreġudika l-għixien ta’ terzi li ma kehhom x’jaqsmu xejn mal-ilmenti tal-applikanti u l-awtoritajiet, osservat l-istess Qorti.
Madankollu fuq il-bażi mressqa mill-familja Briffa għad-danni dan kollu kien ġustifikat peress l-Awtorità tal-Artijiet naqqset mill-tipprovdi alternattiva adekwata imwegħda bħala kumpens tat-telfien tan-negozju minħabba l-proġett nazzjonali.
Il-Qorti ordnat li jingħata kunmpens massimu ta’ €200,000 li kien offrut meta saret l-iskema flimkien ma’ somma addizzjonali ta’ €17,280 biex tkopri l-ispejjeż tal-inflazzjoni fuq perjodu ta’ disa’ snin.
//= $special ?>