Futbol Sport

David De Gea jġedded il-kuntratt ma’ Manchester United sal-2023

(Ritratt: EPA)

Wara ħafna spekulazzjoni u xhur ta’ stennija, finalment David De Gea ffirma kuntratt ma’ Manchester United sal-2023 b’għażla ta’ sena oħra. Dan il-ftehim se jara lill-internazzjonali Spanjol ikollu salarju ta’ madwar €400,000 fil-ġimgħa. B’hekk hu se jkun l-aktar gowlkiper imħallas fid-dinja.

De Gea li għandu 28 sena, ingħaqad ma’ Manchester United mingħand Atletico Madrid fl-2011 u magħhom rebaħ il-Premier Leasgue, l-Europa League, l-FA Cup, il-League Cup u tliet darbiet il-Community Shield.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, De Gea qal li kien ta’ privileġġ li għamel tmien snin mar-Red Devils u hu ta’ unur għalih li għandu l-opportunità li jkompli l-karriera mal-klabb Ingliż. L-Ispanjol żied li issa li l-futur hu assigurat, irid jgħin lit-tim jikseb l-unuri.

Il-manager tal-klabb Ole Gunnar Solskjaer qal li matul is-snin De Gea wera li hu l-aqwa gowlkiper fid-dinja u parti importanti mill-pjanijiet tagħhom li jpoġġu lill-klabb fejn jixraqlu. Hu żied li l-kwalità ta’ De Gea hi l-bażi perfetta għad-difiża ta’ Manchester United.