L-eks Ministru tal-Ġustizzja Laburista u llum membru fil-Board tal-MFSA (l-Awtorità Dwar is-Servizzi Finanzjarji) l-Avukat Joe Brincat ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-Gvern fejn sejjaħ bħala mbarazzanti l-‘golden handshake’ li ngħata l-eks Direttur tar-Riżorsi Umani George Spiteri. Huwa qal li dak li sar huwa reat li skont il-liġi għalih hemm piena karċerarja.
F’dan il-kuntest l-Avukat Brincat ippreżenta protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joe Cuschieri bħala rappreżentant tal-istess Awtorità.
L-Avukat Joe Brincat li għamel żmien twil jimmilita fil-Partit Laburista f’diversi karigi għoljin anke bħala Deputat Kap, qed jikkonstesta bil-qawwa kollha l-ħlas ta’ €150,000. li ħa mingħand l-MFSA fejn kien jaħdem fil-kapaċità ta’ Direttur għar-Riżorsi Umani.
Huwa kien ingħata dan il-pakkett wara li kienu rtira biex ftit tal-jiem wara reġa’ ngħata l-istess pożizzjoni mar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta.
Fil-protest tiegħu l-Avukat Brincat qal li dawn huma atti tal-mistħija fejn mhux biss inkisret il-liġi, iżda saret xi ħaġa li għandha tħammar wiċċ l-amministrazzjoni tal-Gvern ta’ dan il-pajjiż.
Minkejja li l-protest ma kienx wieħed speċifiku u li ma ssemmewx ċerta dettalji jidher ċar li dan kollu kien immirat għal George Spiteri.
L-Avukat Brincat qal ukoll li jekk membru tal-Bord isir jaf b’dan kollu, huwa obbligat li jara li dawn l-affarijiet ma jsirux u jagħmel minn kollox biex iwaqqafhom, kif qed jipprova jagħmel hu, nkella jekk ma jagħmel xejn ikun ħati l-istess.
Ingħad ukoll fil-protest li parti mill-fondi tal-MFSA jiġu mill-fond konsolidat, allokazzjoni li hija suġġetta għal skrutinju sħiħ fil-Parlament u l-voti li jingħataw waqt li tgħaddi l-liġi. Qal li ħadd m’għandu d-dritt li jmur kontra dak li jiddeċiedi l-Parlament u li juża fondi pubbliċi b’din il-manjera, li mingħajr dubju huwa ferm differenti minn dak li jawtoriżża l-Parlament.
L-Avukat Brincat qal li ħadd mhuwa ‘l fuq mill-liġi. Il-Protest jindirizza b’mod dirett lill-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joe Cuschieri u jgħid. “Dan l-aħħar ħareġ fil-beraħ u għarfien għall-pubbliku li inti offrejt ħlas u dan bħala ‘golden handshake’ lill-impjegat minn tiegħek tal-MFSA, u apparti li s-sistema ta’ rtirar kmieni m’għandha x’taqsam xejn ma’ dan il-każ, inti għamilt attent biex tasal f’arranġament biex tħallas lil xi ħadd biex ittemm relazzjoni ta’ mpieg, xi ħaġa li ma stajtx tagħmel”, jgħid il-protest ġuidizzjarju.
“Dan kollu sar mingħajr ma għadda l-eda vot fil-Parlament dwar dan, u lanqas kien hemm xi provediment li dan il-ħlas għat-terminazzjoni ta’ mpieg għandu jseħħ. Biex dan il-pagament isir, il-flus iridu jiġu minn proġetti oħra,” qal l-Avukat Brincat, li saħaq li dan mhuwa xejn għajr reat minħabba li dawn il-flus kellhom jiġu wżati għal ħtiġijiet speċifiċi u mhux xi ‘ċekk miftuħ’ f’idejk biex tużaħ kif trid.
Kompla jgħid li l-Artiklu 294 tal-Kodiċi Kriminali hija offiża aggravata dwar użu ta’ miżappropjazzjoni ta’ fondi u dwar dan għandhom jittieħdu passi kriminali, reat li huwa punibbli bil-ħabs, sentenza li t-terminu tagħha huwa minn seba’ xhur sa sentejn ħabs.
Il-Protest huwa ntiż biex l-Qorti twaqqaf lill-Kap Eżekuttiv Joseph Cuschieri personalment u fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentat tal-Awtorità milli jagħti xi ħlas bħala ‘golden handshake’, ingħad ukoll li dan mhuwiex is-settur privat jew xi negozju personali ta’ Cuschieri.
Finalment l-Avukat Brincat qal li dak li sar fetaħ attakki qawwija kontra l-Gvern minn naħa tal-media u rivali politiċi. Huwa mifhum li kien Spiteri stess li għamel ir-regolamenti li wassal għall-irtirar tiegħu.
Minbarra Cuschieri l-protest sar ukoll kontra l-Avukat Ġenerali u saret ukoll notifika lill-Awditur Ġenerali dwar il-każ u dan biex jeżerċità dmirijietu dwar kif jintefqu l-fondi pubbliċi u dan bħal f’dan il-każ mingħajr l-ebda kontroll jew awtoriżazzjoni
.”
//= $special ?>