Lokali

Il-ħaddiema jinsabu f’morsa doppja bil-pagi jibqgħu baxxi u l-prezzijiet dejjem jogħlew

Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin jinsabu f’morsa doppja fejn min-naħa l-pagi qed jibqgħu baxxi min-naħa l-oħra l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali qegħdin kull ma jmur dejjem jiżdiedu.

Din sitwazzjoni fejn lanqas il-middle class mhi qed tħallaq mal-għoli tal-ħajja minkejja li jaħdmu u wisq inqas dawk li jinsabu fil-faqar. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività għar-residenti tad-disa’ distrett elettorali bħala parti mill-festi tal-Indipendenza li qed jorganizza l-PN. 

L-istatistika li ġiet ippubblikata fil-jiem li għaddew turi li f’Malta kien hawn l-inqas żieda fil-pagi u s-salarji fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, meta dan mhux l-ewwel darba li l-pagi f’pajjiżna raw l-inqas żdidiet. L-istatistika tikkonferma wkoll li l-pagi f’pajjiżna huma baxxi meta mqabbla mal-medja Ewropea.

Meta l-pagi mhux qed jiżdiedu bħall-pajjiżi l-oħrajn Ewropej, il-ħaddiema u l-familji qegħdin jaraw li l-prezzijiet tal-prodotti essenazjali bħall-ikel qegħdin jogħlew, kif żdiedu wkoll il-prezzijiet tal-fuels, il-propjetà u l-kirjiet. 

Adrian Delia qal li kull ma jmur, aktar Maltin u Għawdxin qegħdin jaraw li l-paga tagħhom bilkemm tiżdied u meta mqabbel maż-żidiet fil-prezzijiet qegħdin jispiċċaw b’inqas flus fil-but.

Din hija morsa li qed taffettwa b’mod negattiv lill-middle class li minkejja li jaħdmu, b’uħud jaħdmu full time u part time, xorta waħda mhux ilaħħqu mal-ħajja. Huwa qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan qed iħalli impatt negattiv ukoll fuq il-pagi, biċ-cheap labour jgħolli rasu kif qalu l-istess konsulenti tal-Gvern. 

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista issa ilu jisħaq dwar il-bżonn ta’ pjan fit-tul sabiex jiġu ndirizzati d-diffikultajiet tal-familji, ħaddiema u l-anzjani li mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

Dan meta l-pensjonanti huma l-aktar li jħossu l-faqar jew jinsabu fir-riskju tal-faqar, u s-soluzzjoni tal-Gvern għal dawn il-pensjonanti li qegħdin ibatu kienet li jmorru jiddejnu fuq djarhom, li imbagħad iħallsuh uliedhom. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li quddiem dawn it-tbatijiet tal-familji, l-Gvern jibqa’ jiftaħar bis-surplus li mhux qed jasal għand kulħadd.

Huwa qal li l-PN se jkun qed joffri pjan fit-tul u ekonomija sostenibbli fejn il-ġid li jinħoloq jitqassam bl-aktar mod ġust u b’pagi tajbin, fejn il-ħaddiema jkollhom ‘l akbar dinjità.