Internazzjonali

AĠĠORNATA: Boris Johnson kawt u ottimist dwar Brexit

Il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker kellhom taħditiet sinifikanti fil-Lussemburgu, li kienu mfissra bħala kostruttivi. Iżda wara l-laqgħa, l-Unjoni Ewropea qalet li r-Renju Unit għad irid iressaq soluzzjoni li kapaċi tibdel il-politika tal-backstop bħala kundizzjoni li tevita fruntiera ‘riġida’ għall-Irlanda wara Brexit.

Il-backstop jinvolvi politika kontroversjali u l-Kummissjoni, fi stqarrija, qalet li ma kienu ppreżentati l-ebda proposti għal xi politika alternattiva. Iżda Boris Johnson qed jirreferi għall-backstop bħala miżura li mhix demokratika u li għandha titneħħa minn kwalunkwe ftehim li għandu jsir mal-Unjoni.

Min-naħa tagħha, l-Unjoni Ewropea lesta tevalwa l-alternattivi, għalkemm qed tinsisti dwar l-assigurazzjoni ta’ politika li hi simili bħall-backstop. Johnson u Juncker qablu li d-diskussjonijiet bejn Londra u Brussell jeħtieġu jintensifikaw, filwaqt li qalu li l-laqgħat dalwaqt se jibdew isiru kuljum.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Londra qal li Johnson m’għandux jitlob estensjoni għad-deadline tal-31 ta’ Ottubru. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni qalet li Juncker fakkar li r-Renju Unit għandu responsabbiltà biex iressaq soluzzjonijiet vijabbli, legali u kompatibbli mal-ftehim dwar Brexit. Fl-istess waqt, Juncker enfasizza li l-Kummissjoni hi lesta biex tara jekk dawn il-proposti – li għad iridu jsiru – jissodisfawx il-kriterji tal-backstop.

Għalissa, il-proposti tar-Renju Unit qed jitqiesu bħala “vagi u insuffiċjenti” mill-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’oħrajn itennu li fi Brussell għad hemm element ta’ xettiċiżmu li r-Renju Unit hu serju tassew li jilħaq ftehim mal-Unjoni.

Għal-laqgħat fil-Lussemburgu kien hemm preżenti wkoll Michel Barnier, bħala n-Negozjatur tal-Unjoni Ewropea dwar Brexit, u s-Segeretarju Britanniku għal Brexit Steve Barclay.