Fl-aħħar ġimgħat NET News irrapporta li jidher li l-Air Malta m’għandhiex biżżejjed ajruplani biex taħdem u għalhekk, qed tonfoq flejjes kbar f’kiri ta’ ajruplani.
Tant hu hekk li, fl-aħħar tlett ijiem, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien hawn ajruplan tat-tip Boeing 737, ta’ GetJet Airlines irreġistrat il-Litwanja, li inkera mil-linja nazzjonali tal-ajru Maltija biex, għal xi raġuni mhux magħrufa, ikun ‘stand-by’.
Dan l-ajruplan mikri mill-Air Malta wasal f’pajjiżna il-Ġimgħa li għadda fl-10.30pm u mistenni jħalli pajjiżna t-Tnejn fil-11pm.
Minbarra l-ajruplan, il-pakkett li kriet l-Air Malta inkluda sitt membri tal-ekwipaġġ.
Madankollu, dan l-ajruplan ġie Malta vojt, għamel tlett ijiem fl-Ajruport ma jintużax u issa se jerġa’ jitlaq lura minfejn ġie vojt.
Dan ifisser li l-Air Malta nefqet il-mijiet tal-eluf biex kriet ajruplan u membri barranin tal-ekwipaġġ għalxejn … għax dawn spiċċaw qattgħu vaganza f’Malta mħallsa mil-linja nazzjonali tal-ajru.
Dawn l-aħħar żviluppi jħassbu lil ħafna wara li fl-aħħar jiem ħarġet l-aħbar li l-Air Malta tinsab lura fiż-żona l-ħamra fejn jidhlu l-finanzi, sena biss wara li tħabbar is-suppost profitt tal-kumpanija, li tant ftahar bih il-Gvern u l-Ministru Konrad Mizzi.
Skont sors internazzjonali li janalizza l-industrija tal-avjazzjoni, il-mossa tal-Gvern li bla pjan idaħħal rotot ġodda kellha impatt finanzjarju negattiv fuq il-linja nazzjonali tal-ajru.
Iżda ffaċjat mill-mistrosijiet ta’ NET News, Konrad Mizzi baqa’ jiċħad ir-rapport dwar il-qagħda finanzjarja.
U minkejja dan ir-rapport, l-Air Malta baqgħet tonfoq l-eluf fuq kiri ta’ ajruplani u ekwipaġġ … infiq bla rażan u milli jidher bla pjan u raġuni valida li żgur mhux ser jgħin lill-Air Malta toħroġ miż-żona l-ħamra.
//= $special ?>