Tal-anqas 15-il persuna tilfu ħajjithom, b’aktar minn 20 ikunu rappurtati mitlufa wara li dgħajsa tat-turisti nqalbet fi Xmara Godavari, fl-Istat ta’ Andhra Pradesh.
Id-dgħajsa kienet qed iġġorr aktar minn 60 persuna u t-traġedja seħħet meta hi kienet qabdet direzzjoni lejn zona turistika popolari. Ir-rapporti qalu li d-dgħajsa spiċċat taħbat ma’ blata kbira, bil-konsegwenza li beda dieħel l-ilma sakemm inqalbet.
Fis-sigħat sussegwenti kienu salvati numru ta’ nies waqt li l-awtoritajiet kienu qed ifittxu għall-katavri fix-xmara.
Il-Ministru Ewlieni tal-Istat ta’ Andhra Pradesh, Jagan Mohan Reddy ħareġ id-direttivi biex l-uffiċjali jissospendu kull attività li setgħet tinvolvi d-dgħajjes fiz-zona tal-emerġenza.
Sadattant, il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, bagħat messaġġ ta’ kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi permezz ta’ Twitter.
Aktar tard, l-awtoritajiet żvelaw li l-ħabta tad-dgħajsa mal-blata seħħet ‘qalb zona remota dominata minn foresta’ u fejn ma kienx hemm il-faċilitajiet adekwati għall-komunikazzjoni.
Fl-istess ħin, il-Ministeru tat-Turiżmu Indjan ikkonferma li d-dgħajsa partikulari kienet qed tħaddem is-servizzi fuq ix-xmara mingħajr liċenzja.
Dawn it-tipi ta’ dgħajjes, fl-Indja, ta’ spiss jispiċċaw iffullati b’aktar passiġġieri milli jesgħu, bin-nuqqas ta’ rispett għar-regoli jfisser li l-inċidenti jseħħu b’livell ta’ regolarità.
//= $special ?>