Lokali

”Li tgħix ħajja diċenti u li jkollok saqaf fuq rasek huwa dritt fundamentali” – Adrian Delia

“Li tkun bla saqaf fuq rasek hija trawma psikoloġika li tmur kontra d-dritt fundamentali tal-bniedem għall-ħajja diċenti. Sfortunatament f’pajjiżna hawn eluf ta’ familji li qegħdin ibatu u jinsabu fir-riskju tal-faqar għax il-ġid li qed jinħoloq mhux jasal għand kulħadd.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt żjara li saret f’Dar Niki Cassar tal-YMCA, fejn tqassam hamper lir-residenti. F’Dar Niki Cassar hemm 30 resident. Bħala bħala parti mill-attività tal-Indipendenza li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista, se jitqassmu 55 hampers lill-persuni fil-bżonn.

Dr Delia qal li l-faqar huwa mifrux fis-soċjetà fost kategoriji differenti u din hija sfida li laqtet lill-pajjiż u li għandha tiġi indirizzat b’serjetà. Huwa rringrazzja lill-għaqdiet mhux governattivi kollha fosthom il-YMCA, li jagħtu kenn li min jispiċċa bla saqaf fuq rasu u għaqdiet oħrajn li jaħdmu mal-foqra u l-batuti fis-soċjetà. Adrian Delia faħħar l-inizjattivi li jieħdu shelter homes, li jilqgħu persuni li minħabba sitwazzjonijiet differenti jkunu spiċċaw barra fit-triq u bla saqaf fuq rashom. Fil-preżent id-domanda għal dawn il-postijiet hija waħda kbira u mhux l-ewwel darba li jkun hemm każ diffiċċli fejn ix-shelter homes ikunu mimlijin u spiċċaw f’istituzzjonijiet oħra bħal Monte Karmeli, xi ħaġa li qatt m’għandha tiġri.

L-istatistika turi li hawn aktar minn 78,000 li qegħdin fir-riskju tal-faqar jew 17% tal-popolazzjoni f’Malta u Għawdex. Aktar minn 36,000 m’għandhomx biżżejjed flus sabiex iżommu d-dar sħuna fix-xitwa, aktar minn 27,000 persuna ma jaffordjawx li jieklu l-laħam, tiġieġ jew ħut, aktar 12,000 ma jistgħux iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jew is-self mal-banek.

L-iżjed li jinsabu fir-riskju tal-faqar huma t-tfal, in-nisa u l-anzjani. Ir-rapport magħruf bħala SILC juri kif eluf ta’ persuni għandhom dħul li jlaħħaq mad-€9,000 fis-sena.

Adrian Delia qal li dan kollu juri kif filwaqt li l-Gvern jibqa’ jiftaħar bis-surplus, il-ġid li qed jinħoloq mhux qed jasal għand kulħadd u hawn eluf ta’ persuni li qegħdin ibatu, ħafna drabi fis-silenzju. Huwa qal li fl-istess waqt, il-ħaddiema Maltin u Għawdxin qegħdin iħossu morsa doppja fejn min-naħa l-pagi qed jibqgħu baxxi u min-naħa l-oħra l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali qegħdin kull ma jmur dejjem jiżdiedu. Sitwazzjoni fejn lanqas il-middle class mhi qed tħallaq mal-għoli tal-ħajja minkejja li jaħdmu u wisq inqas dawk li jinsabu fil-faqar u fil-bżonn.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit Nazzjonalista jisħaq li għad hawn bżonn kbir ta’ aktar miżuri preventivi, partikolarment ta’ politika nazzjonali ta’ strateġija, li sservi sabiex tidentifika l-ewwel sinjali ta’ meta persuna jista’ jiġi mgħejjun b’mod immedjat. Jakkumpanja lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia matul din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Ġlieda kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo u l-minority leader f’Raħal Ġdid Ivan Bartolo.