Futbol Sport

Santana jċaħħad lil Santa Lucia minn rebħa oħra

Stewart Said

GUDJA U……………… 1 SANTA LUCIA…….. 1

Gudja: J. Debono, J. Grioli, J. Bolanos, J. Bondin, Z. Cassar (J. Farrugia 77’), A. de Barros, L. Cremona (H. Vella 61’), C. Santana, G. Mensah, A. Friggieri (P.P. Sammut 85’), R. Winchester

Santa Lucia: R. Caruana, D. Agius, G. Bohrer Mentz, F. Zuniga, C. Escobar, J. Magri Overend (J. Zerafa 58’), D. Mendoza, N. Borg (N. Micallef 75’), M. Santana (O. Elouni 20’), R. Tachikawa, K. Rosero

Imwissija: K. Rosero 11’, C. Escobar 55’ (S), J. Grioli 25’ (G)

Skorja: K. Ante Rosero 41’ (S), C. Santana 95’ pen (G)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Chris Francalanza

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Kevin Ante Rosero (Santa Lucia)

BOV Plejer tal-logħba: Kevin Ante Rosero (Santa Lucia)

Penalty lejn it-tmiem evita l-ewwel telfa lil Gudja United filwaqt li ċaħħad lil Santa Lucia milli jitilgħu fil-quċċata flimkien ma’ Senglea Athletic u Sirens. Santa Lucia kienu fil-kontroll għal ħafna mil-logħba iżda naqsu li jsarrfu s-superjorità f’gowls.

Santa Lucia kienu l-aktar tim avventuruż fl-ewwel taqsima minkejja li ma kinux wisq ta’ periklu għal Jonathan Debono. L-ewwel ċans wasal wara sitt minuti b’David Mendoza jixxuttja barra wara li Debono, Juan Bolanos u Kevin Ante Rosero daħlu f’xulxin barra l-kaxxa.

Oliver Spiteri kellu jagħmel bidla sfurzata fl-20 minuta meta kellu jinbidel Maycon Santana u minfloku daħal Omar Elouni. Kien proprju l-istess plejer li wara ftit sekondi kellu xutt fil-baxx salbat minn Debono. Seba’ minuti wara free-kick ta’ Gabriel Bohrer Mentz għadda ftit għoli.

Gudja bdew joperaw bil-kontrattakk iżda Santa Lucia baqgħu aktar fil-pussess tal-ballun. Il-partita żblukkat ruħha fil-41 minuta meta kien l-aħjar plejer tal-logħba KEVIN ANTE ROSERO li b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa għar-rokna, sammar il-ballun wara Jonathan Debono.

Il-bidu tat-tieni taqsima kompla bl-istess andament kajman, bl-unika azzjoni denja tasal fis-47 minuta bi free-kick ta’ Nick Borg li għadda fuq il-mimduda. Santa Lucia kellhom okkażjoni tajba li jirkuppjaw fil-65 minuta b’ħarba tajba ta’ Ante Rosero mil-lemin li qassam fl-ispazju lejn Rei Tachikawa iżda minn qagħda ideali xeħet barra.

B’Santa Lucia ma jagħlqux il-logħba, Gudja bdew iżidu fil-logħob bl-aħjar ċans jasal fit-80 minuta. Minn kross mix-xellug, Gabriel Mensah niżżel lejn Aidan Friggieri li xxuttja b’saħħtu iżda r-risposta tal-gowlkiper Ryan Caruana kienet immedjata u dawwar f’korner b’mod brillanti.

Gudja rnexxielhom isalvaw il-logħba fl-aħħar sekondi tal-logħba meta ġustament ingħataw penalty wara li Camilo Escobar waqqa’ lil Rundell Winchester fil-kaxxa. Inkariga ruħu CARLOS SANTANA li bagħat lil Caruana n-naħa l-oħra tal-ballun biex evita l-ewwel telfa għat-tim tiegħu.