Marokkin żagħażugħ ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li fit-28 ta’ Ġunju li għadda huwa ħebb għall diversi persuna fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far u anke f’Għassa tal-Pulizija fosthom għal uffiċjal tas-sigurtà. Il-ħati għamel żmien residenti fiċ-Ċentru.
Youssef Cherkaoui ta’ 23 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Victor Axiak li għall-ħabta tat-3.:30p.m. f’Ħal Far HTC, limiti ta’ Birżebbuġia u fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birzebbugia, inġurja, hedded jew ghamel offiża fuq persuna inkarigata skond il-liġi li hija fis-servizz pubbliku.
Huwa ammetta li wettaq dan ir-reat waqt li kien qiegħed jagħmel dan is-servizz bil-ħsieb li jbeżżgħu. Ammetta wkoll li kkommetta ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq Joseph Dingli, li volontarjament kiser l-ordni jew il-kwiet tal-pubbliku, b’għajjat u ġlied.
Ammetta li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi ta’awtorità jew ta’ min ikun inkarigat minn servizz pubbliku, u li fixkilhom waqt il-qadi dmirijiethom. Wara li l-Qorti semgħet ix-xhiedha mressqa mill-Prosekuzzjoni hija fissret lill-imputat il-konsegwenzi ta’ tali ammissjoni u tagħtu żmien biex jirrikunsidra il-pożzizjoni tieghu, bl-imputat jikkonferma l-ammissjoni tiegħu fejn talab ukoll apoloġija għal dak li għamel.
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-Marokkin baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv għal kważi xahrejn u nofs. Ikkunsidrat li r-reati li saru mill-imputat huma ta’ natura serja speċjalment għaliex saru kontra persuni ta’ awtorità li ġew inkarigati skond il-liġi minn servizz pubbliku.
Il-fatt li Cherkaoui għażel li jammetti fit-tielet seduta, wara li l-Prosekuzzjoni kienet kważi diġa għalqet il-provi kollha tagħha, fejn anke dan il-fatt ittieħed in konsiderazzjoni mill-Qorti.
Il-Qorti qalet ukoll li ma’ tħossx li piena karċerarja effettiva sservi sabiex b’xi mod tipproteġi lis-soċjetà. Minflok, il-Qorti tqis li sentenza ta’ ħabs sospiża, li tqarreb lejn il-massimu kemm fil-kwantum tagħha u kif ukoll fit-tul operattiv tagħha jkunu deterrenti iżjed milli adegwati sabiex l-imputat jkollu x-xabla mdendla fuq rasu u nċentiv biex ma’ jikkommetix reat ieħor fis-snin li ġejjin.
Il-Qorti fissret b’mod solenni u fi kliem sempliċi lill-imputat il-konsegwenzi jekk jerġa jwettaq reat ieħor fil-perjodu operativ tas-sentenza sospiza. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.
//= $special ?>