Lokali

SKANDLU IEĦOR: Joe Brincat jikkonferma li nkisret ir-rule of law fejn jidher li xi ħadd ieħor gawda minn ‘golden handshake’

Għall-bidu kien maħsub li l-każ hu dak ta' George Spiteri...iżda hemm ieħor

Kollox jindika li l-każ ta’ George Spiteri li ngħata eluf ta’ ewro bħala ‘golden handshake’ mill-MFSA (l-Awtorità Dwar is-Servizzi Finanzjarji) ma kienx xi wieħed iżolat għaliex il-probabbiltà hija li kien hemm xi ħadd ieħor li gawda mill-istess trattament.

L-eks Ministru tal-Ġustizzja u llum membru fil-Board tal-MFSA l-Avukat Joe Brincat ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-Gvern fejn sejjaħ bħala mbarazzanti l-‘golden handshake’ li ngħatat lill-persuna, liema każ skont il-liġi hemm piena karċerarja.

F’ittra preżentata llum fil-Qorti, il-membru tal-MFSA Joe Brincat, jikxef skandlu kbir fl-MFSA u kif skont hu “inkisret ir-rule of law”. Dan meta kixef li se tingħata, jew ingħata, ‘golden handshake’ oħra fl-MFSA.

Minn informazzjoni li għandu NET News l-ittra uffiċjali fil-konfront
tal-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joe Cuschieri bħala rappreżentant tal-istess Awtorità, mhijiex rigward il-€150,000. li ħa George Mifsud mingħand l-MFSA fejn kien jaħdem fil-kapaċità ta’ Direttur għar-Riżorsi Umani, iżda adirittura jidher li hemm każ ieħor misterjuż ta’ ‘golden handshake’.

L-Avukat Joe Brincat li għamel żmien twil jimmilita fil-Partit Laburista f’diversi karigi għoljin anke bħala Deputat Kap, qed jikkonstesta bil-qawwa kollha l-ħlas li ngħata. Bħal fil-każ ta’ Spiteri, li kien ingħata pakkett finanzjarju wara li kienu rtira, jidher issa tfaċċa xi ħadd ieħor.

Fil-każ ta’ George Spiteri ftit tal-jiem wara kien reġa’ ngħata l-istess pożizzjoni mar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta. Fl-ittra uffiċjali tiegħu l-Avukat Brincat qal li dawn l-affarijiet huma atti tal-mistħija fejn mhux biss inkisret il-liġi, iżda saret xi ħaġa li għandha tħammar wiċċ l-amministrazzjoni tal-Gvern ta’ dan il-pajjiż.

L-ittra ma kienx waħda speċifika u għall-ewwel, inkluż il-ġurnalisti, ħafna ħasbu li dan kollu kien immirat għal George Spiteri. L-Avukat Brincat qal ukoll li jekk membru tal-Bord isir jaf b’dan kollu, huwa obbligat li jara li dawn l-affarijiet ma jsirux u jagħmel minn kollox biex iwaqqafhom, kif qed jipprova jagħmel hu, nkella jekk ma jagħmel xejn ikun ħati daqs li kieku.

Ingħad ukoll fl-ittra li parti mill-fondi tal-MFSA jiġu mill-fond konsolidat, allokazzjoni li hija suġġetta għal skrutinju sħiħ fil-Parlament u l-voti li jingħataw waqt li tgħaddi l-liġi. Qal li ħadd m’għandu d-dritt li jmur kontra dak li jiddeċiedi l-Parlament u li juża fondi pubbliċi b’din il-manjera, li mingħajr dubju huwa ferm differenti minn dak li jawtoriżża l-Parlament.

L-Avukat Brincat qal li ħadd mhuwa ‘l fuq mill-liġi. L-ittra tindirizza b’mod dirett lill-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joe Cuschieri u jgħid. “Dan l-aħħar ħareġ fil-beraħ u għarfien għall-pubbliku li inti offrejt ħlas u dan bħala ‘golden handshake’ lill-impjegat minn tiegħek tal-MFSA, u apparti li s-sistema ta’ rtirar kmieni m’għandha x’taqsam xejn ma’ dan il-każ, inti għamilt attent biex tasal f’arranġament biex tħallas lil xi ħadd biex ittemm relazzjoni ta’ mpieg, xi ħaġa li ma stajtx tagħmel”, kompliet tgħid l-ittra ġuidizzjarja.

“Dan kollu sar mingħajr ma għadda l-eda vot fil-Parlament dwar dan, u lanqas kien hemm xi provediment li dan il-ħlas għat-terminazzjoni ta’ mpieg għandu jseħħ. Biex dan il-pagament isir, il-flus iridu jiġu minn proġetti oħra,” qal l-Avukat Brincat, li saħaq li dan mhuwa xejn għajr reat minħabba li dawn il-flus kellhom jiġu wżati għal ħtiġijiet speċifiċi u mhux xi ‘ċekk miftuħ’ f’idejk biex tużaħ kif trid.

Kompla jgħid li l-Artiklu 294 tal-Kodiċi Kriminali hija offiża aggravata dwar użu ta’ miżappropjazzjoni ta’ fondi u dwar dan għandhom jittieħdu passi kriminali, reat li huwa punibbli bil-ħabs, sentenza li t-terminu tagħha huwa minn seba’ xhur sa sentejn ħabs.

L-Ittra Uffiċjali hija ntiża biex l-Qorti twaqqaf lill-Kap Eżekuttiv Joseph Cuschieri personalment u fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentat tal-Awtorità milli jagħti xi ħlas bħala ‘golden handshake’, ingħad ukoll li dan mhuwiex is-settur privat jew xi negozju personali ta’ Cuschieri.

Finalment l-Avukat Brincat qal li dak li sar fetaħ attakki qawwija kontra l-Gvern minn naħa tal-media u rivali politiċi. Minbarra Cuschieri l-ittra ġiet ippreżentata wkoll kontra l-Avukat Ġenerali u saret ukoll notifika lill-Awditur Ġenerali dwar il-każ u dan biex jeżerċità dmirijietu dwar kif jintefqu l-fondi pubbliċi u mhux bħal dan il-każ fejn sar kollox mingħajr l-ebda kontroll jew awtoriżazzjoni. Huwa mifhum li fil-każ ta’ Spiteri, kien hu stess li għamel ir-regolamenti li wassal għall-irtirar tiegħu.

Fil-protest l-avukat Brincat itenni li bħala membru tal-Bord tal-MFSA hu obligat li jiġbed l-attenzjoni meta jinduna li tkun se tinkiser il-liġi. Hu jinsisti li l-MFSA ma tistax taqbad u tagħti “blank cheque” b’dan il-mod.

L-eks Ministru Laburista Joe Brincat