Lokali

Tibda l-ġimgħa tal-Indipendenza

Messaġġ ta’ ringrazzjament, b’impenn biex inkomplu naħdmu ‘l quddiem għall-ġid tal-Partit, iżda fuq kollox għall-ġid ta’ Malta tagħna, li tant inħobbu.

Dan kien il-messaġġ li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qasam ma’ dawk preżenti waqt Gala Dinner, li nżammet ilbieraħ filgħaxija biex ikun imfakkar it-tieni anniversarju mill-elezzjoni tiegħu bħala Kap tal-Partit, kif ukoll bħala parti mill-attivitajiet li jfakkru l-55 sena mill-Kisba tal-Indipendenza.

Adrian Delia tenna li matul dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, il-Partit Nazzjonalista ma jridx biss ifakkar dak li għaddejna minnu matul dawn il-55 sena, iżda fuq kollox, jara li pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem.

Akkumpanjat mill-Viċi Kapijiet tal-Partit Robert Arrigo u David Agius, kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, hu appella lil dawk preżenti biex ikomplu jappoġġjaw lill-Partit fil-ħidma tiegħu, ladarba nemmnu li l-Partit Nazzjonalista hu verament l-unika alternattiva li għandu bżonn il-pajjiż.