Futbol Sport

Valletta jsalvaw punt drammatiku lejn it-tmiem

Stewart Said

VALLETTA…………… 1  FLORIANA……………..1

Floriana kienu resqin lejn it-tielet rebħa ta’ 1-0 f’konfront dirett ieħor, tliet punti li bihom kienu jitilgħu fil-quċċata. Iżda gowl lejn it-tmiem ta’ Enmy Pena Beltre evita telfa lil Valletta f’derby mistenni u quddiem attendenza sabiħa. 

Wara l-gowl tal-vantaġġ, Floriana ddefendew tajjeb u kienu sekondi bogħod minn rebħa oħra. It-tim immexxi minn Vincenzo Potenza kien organizzat u wera li għandu potenzjal li jissielet ma’ ta’ fuq. 

Valletta naqsu li jinfdu lid-difiża avversarja hekk kif ftit kienu kreattivi fl-attakki tagħhom, bil-gowlkiper Ini Akpan ma tantx ikun impenjat, l-istess kif kien il-gowlkiper Belti Henry Bonello. 

Il-kowċ ta’ Valletta Darren Abdilla għamel tliet bidliet mir-rebħa kontra Sliema. Joseph Zerafa, id-debuttant Irakli Dzaria u Kevin Tulimieri bdew flok Jean Borg, Douglas Packer u Nicholas Pulis. 

Żewġ bidliet għal Vincenzo Potenza mir-rebħa kontra Balzan. Brandon Paiber u Augusto Caseres bdew minflok Tiago Fonseca u Terence Vella. 

Yuri Messias ħoloq l-ewwel tentattiv tal-logħba fir-raba’ minuta b’xutt fil-baxx li kien salvat minn Ini Akpan. Sitt minuti u Floriana jersqu viċin b’rovexxjata ta’ Kristian Keqi li għaddiet ftit barra. 

Valletta wieġbu ftit sekondi wara meta minn korner ta’ Kevin Tulimieri mil-lemin, Ini Akpan ħareġ ħażin iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Irakli Dzaria tat l-illużjoni tal-gowl hekk kif il-ballun ħakkek mal-lasta. 

Il-logħba żvolġiet f’nofs il-grawnd, biż-żewġ timijiet jikkanċellaw lil xulxin tattikament. Kellhom jgħaddu nofs siegħa għal azzjoni serja hekk kif Floriana laqtu l-lasta b’xutt mid-distanza ta’ Diego Venancio li ħabat mal-wieqfa. Anqas minn żewġ minuti wara, Joseph Zerafa mix-xellug sab lil Kevin Tulimieri bi kross preċiż iżda d-daqqa ta’ ras fuq il-ġirja tat-Taljan għaddiet barra. 

Floriana ma setax kellhom bidu aħjar fit-tieni taqsima hekk kif ingħataw penalty wara nofs minuta b’fawl ta’ Steve Borg fuq KRISTIAN KEQI. L-istess plejer għeleb lil Henry Bonello mill-11-il metru b’xutt b’saħħtu għar-rokna ta’ fuq. 

Valletta żiedu l-pressjoni tagħhom b’żewġ okkażjonijiet fi ftit minuti. L-ewwel kellu xutt li ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka, biex erba’ minuti wara kien hemm kombinazzjoni tajba, bix-xutt tal-plejer offensiv jiġi salvat tajjeb minn Akpan. 

Fis-67 minuta xutt fil-baxx ta’ Irakli Dzaria għadda barra. Valletta baqgħu bil-pussess tal-ballun f’saqajhom iżda l-ħafna krosses li kellhom ma sarrfu f’xejn. Fil-91 minuta Kyrian Nwoko kellu ċans wara li rċieva kross mix-xellug, iżda d-daqqa ta’ ras kienet dgħajfa u salvata. 

Kien fl-aħħar azzjoni li Valletta evitaw it-telfa meta minn korner mil-lemin, id-difiża Furjaniża naqset li tbiegħed il-periklu, bil-ballun jispiċċa għand ENMY PENA BELTRE li b’xutt mill-viċin li kien imxellef minn Edward Herrera u spiċċa fix-xibka fost il-ferħ tal-plejers u partitarji Beltin. 

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, R. Camilleri (K. Nwoko 87’), J. Zerafa, R. Muscat, I. Dzaria (S. Dimech 71’), Y. Messias (B. Kaljevic 59’), K. Tulimieri, M. Piciollo, M. Fontanella 

Floriana: I. Akpan A. Cini, E. Ruiz, J. Pisani, R. Camenzuli, U. Arias, D. Venancio, M. Garcia (M. Beye 89’), B. Paiber (C. Borg 63’), K. Keqi, A. Caseres (E. Herrera 84’) 

Imwissija: B. Paiber 16’, C. Borg 73’, J. Pisani 79’, M. Garcia 88’ (F), I. Dzaria 20’, K. Tulimieri 54’, B. Kaljevic 73’, J. Zerafa 81’ (V) 

Skorjaw: K. Keqi 47’ pen (F), E. Pena Beltre 95’ (V) 

Referee: Matthew Degabriele  :Assistenti Referees: Alan Camilleri, Luke Portelli  –
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Diego Venancio (Floriana) –
BOV Plejer tal-logħba: Kristian Keqi (Floriana)  –
Attendenza: 3737