Internazzjonali

Wara l-attakki fuq l-Arabja Sawdija: L-Istati Uniti tinsisti bl-akkużi kontra l-Iran

L-Istati Uniti produċiet ritratti meħudin bis-satellita, minbarra li kwotat informazzjoni sigrieta biex issostni l-akkużi li l-Iran kien ‘l-awtur’ tal-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa fuq il-faċilitajiet taż-żejt ewlenin fl-Arabja Sawdija. L-Iran, min-naħa tiegħu, għadu qed jiċħad għal kull sehem fl-attakki li ħadu responsabbiltà għalihom ir-ribelli Houthi ( alleati tal-Iranjani) fil-Jemen.

Madankollu, uffiċjali (mhumiex identifikati) tal-Istati Uniti li kellmu lill-media Amerikana u internazzjonali qalu li ‘id-direzzjoni u l-livell tal-attakki xeħtu dubju dwar l-istqarrijiet dwar l-involviment tal-Houthi’.

L-inċident tas-Sibt, sadanittant, wasslet għal sitwazzjoni fejn il-provvisti taż-żejt, fuq skala globali, naqsu b’ħamsa fil-mija – bil-prezz taż-żejt jieħu qabża ‘il fuq.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, fi tmiem il-ġimgħa, kien akkuża direttament lill-Iran b’konnessjoni mal-attakki iżda hu ma provdiex il-provi speċifiċi – bl-Iranjani jirribattu bil-kumment li ‘Pompeo irid iqarraq bil-fatti fittizji’.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, żamm lura milli jakkuża lill-Iran direttament, għalkemm issuġġerixxa l-possibbiltà ta’ azzjoni militari ‘ladarba l-identitajiet tal-aggressur jew aggressuri jkunu konfermati’.

Intant, uffiċjal qal li kien hemm ’19-il punt ta’ impatt’ fiz-zona tal-miri fl-Arabja Sawdija u li l-attakki ma sarux mill-artijiet tal-Jemen ikkontrollati mill-Houthi,

Fl-istess ħin, l-uffiċjali Amerikani qalu li dan jista’ jissuġġerixxi li l-attakki fuq il-faċilitjiet taż-żejt tas-Sawdi seħħew mit-Tramuntana tal-Golf, l-Iran jew l-Iraq.