Futbol Sport

West Ham jirbħu punt bi plejer anqas

(Ritratt: Premier League)

West Ham irnexxielhom jiksbu draw ta’ 0-0 kontra Aston Villa minkejja li spiċċaw il-logħba b’raġel anqas. B’hekk huma kabbru s-sensiela ta’ logħbiet mingħajr telfa fil-Premier League għal tliet logħbiet.

Il-Hammers lagħbu l-aħħar 23 minuta b’raġel anqas wara li r-referee Mike Dean wera t-tieni karta safra lil Arthur Masuaku għal daħla fuq Ahmed Elmohamady li dehret li ma għamlitx kuntatt mad-difensur ta’ Aston Villa. Din kienet il-102 karti ħomor li Mike Dean wera fil-Premier League.

Aston Villa setgħu wkoll komplew il-logħba b’raġel anqas meta Anwar El Ghazi deher jolqot bir-ras lil Tyrone Mings fl-ewwel taqsima. Minkejja li lagħbu kważi kwart tal-logħba b’vantaġġ numeriku, Aston Villa ma nifdux id-difiża avversarja.

B’dan il-punt, West Ham telgħu fit-tmien post u Aston Villa ħarġu miż-żona tar-relegazzjoni. Fil-logħbiet li jmiss, West Ham jilqgħu lil Manchester United filwaqt li Aston Villa jmorru fl-Emirates Stadium kontra Arsenal, żewġ logħbiet li jintlagħbu l-Ħadd li ġej.