Lokali Qorti

Żewġ immigranti nisa spiċċaw il-ħabs minflok il-Ġermanja jew Franza

Żewġ immigrant nisa li walsu Malta b’dgħajsa s-sena l-oħra u li kienu qegħdin jimmiraw li jmorru l-Ġermanja jew Franza, minflok spiċċaw il-ħabs wara li kienu għamlu użu minn dokumenti foloz.

Angel Ake, ta’ 35 sena mill-Kosta tal-Ivorju u Kindega Bassahae Julia ta’ 31 sena mill-Kamerun ġew arrestati fl-Ajruport Internazzjoanali ta’ Malta nhar il-Ħadd li għadda, fuq suspett li kienu se jippruvaw jivvjaġġaw b’dokumenti foloz.

Dawn iż-żewġ nisa kienu waslu biex jitilgħu abbord titjira għal Berlin. L-Avukat tagħhom Martin Fenech qal li dan huma riedu jagħmluh biex “isibu ħajja aħjar”.

L-Avukat Fenech kompla jgħid li dawn iż-żewġ nisa mhumiex kriminali, hekk kif huma ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom. Fis-sottomissjonijiet tiegħ u l-Avukat Fenech tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-immigranti u talab lill-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant biex jekk jista’ jkun ma jispiċċawx il-ħabs.

“Dawn kellhom ħafna problemi f’pajjiżhom, kellhom diversi diffikultajiet biex jitilqu mid-dwejjaq li kienu fih u anke kienu qegħdin jiffaċċaw il-problema tal-lingwa,” qal l-Avukat Martin Fenech. Huwa saħaq li l-ilsien tagħhom lii huwa l-lingwa Franċiża ftit li xejn jiġi mitkellem Malta.

Minn naħa tieħu l-Ispettur Frankie Sammut irribatta dan kollu billi qal li dawn iż-żewġ nisa spiċċaw Malta sena ilu. Huwa mill-ewwel ġew offruti post fejn joqgħodu, ikel u anke xi ftit tal-‘pocket money’ filwaqt li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil diġa kienu qed jiġi vvettjat.

“Eventwalment Malta ma kienitx se tkun id-destinazzjoni finali tagħhom. Diġa kienu saru arranġamenti biex waħda minn nisa tmur Franza,” qal il-Prosekutur.

“Tajnihom kull opportunita. F’Malta kienu f’post sigur. Setgħu kieku riedu jistennew ftit ieħor sabiex ikollhom il-passaporti tagħhom u l-permesss ta’ residenza li kien se joħroġ. Minflok huma għażlu li jużaw meżżi llegali biex jitilqu mill-pajjiż,” kompla jgħid l-Ispettur Sammut li talab lill-Qorti biex mas-sentenza jkun qed jingħata messaġġ ta’ deterrent.

Il-Qorti wara li qieset iċ-ċirkostanzi tal-każ, qablet mas-sottomissjonijiet u l-veduti tal-Prosekuzzjoni, u fuq il-bażi tal-ammissjoni tagħhom, kkundannathom għal sitt xhur ħabs kull wieħed.