Lokali

Il-Gvern se jmur lura għal riċetta li se ssarraf f’iktar skandli – PN

L-amministrazzjoni tal-art pubblika m'għandix tkun ikkonċentrata f'persuna waħda

Il-Gvern Laburista jgħid mod u jagħmel mod ieħor. Filli joħloq liġi biex fi kliemu stess jkun hemm iktar trasparenza u ġustizzja fl-amministrazzjoni tal-art pubblika u filli b’daqqa ta’ pinna jitlob li jsir l-oppost ta’ dak li ppropona fil-liġi tiegħu stess.

Il-PN permezz ta’ stqarrija maħruġa minn Marthese Portelli,
kelliema tal-Oppozizzjoni dwar il-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà, u Ryan Callus, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità qal li l-ordni tal-Gvern Laburista lill-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet sabiex numru sostanzjali tal-poteri eżekuttivi jiġu delegati lill-Kap Eżekuttiv James Piscopo huwa u-turn għall-agħar fl-amministrazzjoni tal-art tal-poplu, għax issa se jkun hemm skrutinju inqas, skrutinju li jieqaf f’idejn il-Kap Eżekuttiv. 

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li t-twaqqif tal-Awtorità tal-Artijiet kien riżultat tal-iskandli li seħħew fid-Dipartiment tal-Artijiet meta l-Prim Ministru ddeċieda li jżomm dan id-dekasteru taħt il-kontroll dirett tiegħu, bil-konsegwenza li d-Dipartiment tal-Artijiet inħakem minn indħil politiku partiġġjan.

L-iskandli, wieħed wara l-ieħor, konsegwenza tal-indħil partiġġjan, wassal sabiex numru ta’ ħaddiema, fosthom avukati u professjonisti, telqu mid-Dipartiment u magħhom ntilfet l-esperjenza li kienu kisbu. Il-ħatra ta’ persuni partiġġjani f’karigi importanti bi skapitu ta’ oħrajn bi snin twal ta’ esperjenza kompliet tgħerri l-Awtorità tal-Artijiet. Suppost illi l-Awtorità tal-Artijiet twaqqfet biex jinqata’ dan l-abbuż u l-iskandli. 

Illum nafu li din il-liġi kienet biss bżar fl-għajnejn biex il-Gvern jipprova jgħatti xturu u taparsi kien qed jagħmel xi ħaġa favur iktar trasparenza u governanza aħjar. Din l-aħħar ordni mis-Segretarju Parlamentari Chris Agius lill-Bord tal-Gvernaturi mhi xejn ħlief sfiduċja fil-Bord tal-Gvernaturi u sinjal ċar li l-Awtorità tal-Artijiet se terġa’ tmur lura għaż-żmien tal-iskandli li saru fl-ewwel snin ta’ Gvern Laburista, ewlenin fosthom tal-Australia Hall, l-Cafè Premier u l-każ Gaffarena ta’ Strada Żekka. Il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx ma din l-ordni u se jkun qed jivvota kontriha permezz tar-rappreżentant tagħha nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni fuq il-Bord tal-Gvernaturi.

Din l-ordni, ġaladarba tiġi mwettqa, se tikkonċentra l-poter tal-Awtorità tal-Artijiet f’persuna waħda, tnaqqas it-trasparenza fl-amministrazzjoni tal-art tal-poplu u riċetta tajba għal iktar skandli biex jkun jista’ jagħti l-artijiet tal-poplu lil tal-qalba. Il-kliem fieragħ tal-esponenti Laburisti favur iktar trasparenza u ġustizzja fl-amministrazzjoni tal-art pubblika ma jiswa’ xejn iktar. Gvern Laburista jgħid mod u jagħmel ieħor.