Il-Kardinal Awstraljan, George Pell, qed jagħmel l-aħħar tentattiv biex jaqleb is-sentenzi ta’ kundanna li weħal għall-abbuż tat-tfal. L-appell tressaq fl-Ogħla Qorti tal-Awstralja iżda ma kienx żvelat fuq liema bażi kien qed jitressaq.
Pell, f’Marzu li għadda, kien intbagħat il-ħabs għal sitt xhur wara li spiċċa kundannat dwar l-abbuż tat-tfal f’Melbourne, li kien seħħ matul is-snin disgħin. Il-Kardinal – eks-Teżorier tal-Vatikan – hu l-ogħla uffiċjal tal-Knisja Kattolika li qatt spiċċa kundannat dwar reati ta’ dan it-tip, waqt li hu dejjem insista li hu innoċenti mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu.
Wara li tilef l-appell inizjali, Pell, issa, qed jittama li l-każ li ressaq għandu jinstama’ mill-Ogħla Qorti tal-Awstralja – u meta, sal-bieraħ, ma kien hemm l-ebda garanzija li din il-qorti se taqbel biex tirrevedih.
F’Diċembru li għadda, George Pell kien instab ħati, b’vot unanimu, li abbuża liż-żewġ subien – li dak iż-żmien kien għad għandhom 13-il sena – fil-Katidral ta’ San Patrizju, f’Melbourne. Il-verdett kien inżamm sigriet mill-pubbliku sa Frar, meta l-prosekuturi kienu rtiraw akkużi addizzjonali dwar abbuż sesswali fil-konfront tal-kardinal.
Fl-ewwel appell li falla, Pell kien insista li l-verdett tal-ħtija ‘kien ibbaża mingħajr raġuni valida fuq ix-xhieda ta’ wieħed mill-vittmi’. It-tieni vittma tal-kardinal kien miet b’overdose tad-droga, fl-2014.
//= $special ?>