Matul ix-xahar ta’ Awwissu t-temperatura medja laħqet 28.2°C; grad ogħla min-norma klimatika. Dan ikkonfermatu statistiku maħruġa llum mill-Uffiċċju Meterjoloġiku, fejn jingħad li anke t-temperatura medja tal-baħar għoliet bi grad biex laħqet 27.3°C.
L-ogħla temperatura f’Awwissu ġiet irreġistrata qabel il-festa ta’ Santa Marija, meta fit-13 tax-xahar it-temperaturi laħqu s-36°C. Ix-xemx sajfija kompliet turi snienha l-ġimgħa ta’ wara, meta iddiet għal aktar minn 13-il siegħa nhar it-18 u d-19 t’Awwissu – li kienu l-iktar jiem imdawlin tax-xahar.
Wieħed mill-kontributuri ewlenin għat-temperaturi sħan t’Awwissu kien in-nuqqas ta’ xita, hekk kif traċċi biss ta’ xita tkejlu fid-29 tax-xahar.
Fejn jidħol ir-riħ, Awwissu kien iktar kalm milli mistenni, hekk kif il-veloċità medja tar-riħ ma qabżitx is-6 knots li hu inqas min-norma.
B’kollox fix-xahar ta’ Santa Marija kellna 331 siegħa ta’ xemx.
//= $special ?>