Iktar minn 110 sewwieq ta’ muturi is-Sibt iffirmaw petizzjoni li issejjaħ għal iktar infurzar dwar kontravenzjonijiet u sitwazzjonijiet li joħolqu periklu fit-toroq tagħna, speċjalment għal min ikun qed isuq mutur.
Dan kien l-iskop elwieni wara l-Motorcycle Safety awareness ride organizzata s-Sibt li għadda minn 2 Wheels Foundation Malta. Numru sabiħ ta’ sewwieqa fosthom ta’ diversi clubs, ħadu sehem f’din id-dawra.
Fost l-iktar perikli li jiffaċċjaw ta’ kuljum is-sewwieqa tal-muturi huma n-nuqqas ta’ attenzjoni minn sewwieqa ta’ karozzi minħabba użu ta’ telefon ċellulari waqt is-sewqan. Problema oħra hi li ħafna inġenji ma jkunux mgħottija sew u kaġun ta’ dan, iwaqqgħu żrar jew materjal ieħor fit-triq li jkun ta’ periklu serju għal min ikun fuq mutur. L-istess għad-diesel minħabba nuqqas ta’ galbu u manutenzjoni fuq vetturi kummerċjali.

Iżda l-Fondazzjoni tappella wkoll lis-sewwieqa tal-muturi biex huma stess ma jpoġġux lilhom infushom f’sitwazzjonijiet ta’ periklu; bl-iktar aġir komuni jkun li jaqbżu vetturi min-naħa ta’ ġewwa, nuqqas ta’ ilbies protettiv u veloċita’ żejda f’ċertu toroq.

Il-petizzjoni ingħatat lill-Ministru tat-Trasport Ian Borg.
//= $special ?>