Infrastructure Malta qed tikser il-liġi meta tippermetti li fi proġetti ta’ twessiegħ tat-toroq jitneħħew ħitan tas-sejjieħ oriġinali biex minflokhom jitpoġġew ħitan finta.
F’dak li qed ikun deskritt bħala tkomplija tal-atti llegali kontra l-kultura Maltija, Infrastructure Malta nkixfet li ppermettiet li jitwaqqgħu l-ħitan tas-sejjieħ oriġinali li nbnew snin ilu biex minflok jinbnew oħrajn foloz.
Fost dawn il-ħajt tas-sejjieħ li qed jinbena bħalissa fi Triq Buqana, magħmul minn ġebla Maltija li qed tgħatti blokkok ta’ ġebla tal-franka. Dan għall-kuntrarju tal-ħajt tas-sejjieħ oriġinali li hu magħmul biss mill-ġebla Maltija u li fih jgħixu ħafna speċi ambjentali.
Diversi persuni favur l-ambjent qed iqisu x-xogħol tal-Ministru responsabbli mit-toroq, Ian Borg bħala massakru ieħor kontra l-wirt storiku ta’ pajjiżna wara li ppermetta li jitqaċċtu mijiet ta’ siġar għal proġetti ta’ Infrastructure Malta.
Din is-sitwazzjoni mhix isseħħ biss fi triq waħda iżda f’diversi toroq ġodda li qed isiru, fosthom fit-triq tal-Balal, limiti tal-Mosta, fejn seħħet ukoll il-qerda ta’ medda kbira ta’ art agrikola.
Meta tkellem dwar dawn il-ħitan, Ian Borg kien qal li se jsiru ħitan tas-sejjieħ bħalma darba kienu. Madanakollu, ix-xogħol li bħalissa hu għaddej f’din it-triq prinċipali jikxef li dak li qal il-Ministru mhux minnu.
B’hekk, ix-xogħol ordnat mill-Ministru Ian Borg innifsu qed jikser il-liġi ta’ pajjiżna; dik li l-ebda ħajt tas-sejjieħ ma jista’ jitwaqqa’, u jekk jingħata l-permess li jitwaqqa’ minnufih irid jinbena l-istess ħajt tas-sejjieħ u mhux sempliċiment kisi ta’ blokka ġebla kif qed isir.
Iżda mhux talli sar dan, anzi fuq il-parti ta’ fuq tal-ħitan intefa’ konkrit, liema azzjoni ukoll tmur kontra r-regoli hekk kif dan iwassal biex l-ilma tax-xita ma jgħaddix faċilment.
Minkejja li l-Ministru Ian Borg ġie affaċjat b’dawn l-argumenti, hu xorta waħda għamel ta’ rasu u qed jippermetti li tkompli ssir ħsara lill-pajsaġġ Malti.
Dan mhux l-ewwel darba li Infrastructure Malta ssemmiet għan-nuqqas ta’ ppjanar dwar dan il-proġett. Tant hu hekk li f’diversi każi, ix-xogħol fuq dawn it-toroq beda qabel biss ingħataw il-permess.
//= $special ?>