“Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq politika proattiva u moderna, bi proposti konkreti u programmi favur il-ħarsien tad-drittijiet tal-annimali.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara li għamel lil Noah’s Ark, bħala parti mill-attivitajiet li l-PN qed jorganizzata għall-Indipendenza.
Dr Delia qal li l-għaqdiet li jaħdmu għall-ħarsien u favur id-drittijiet tal-annimali għandhom jingħataw l-għajnuna kollha possibbli, u dan permezz ukoll ta’ iżjed fondi. Dan meta għaqdiet bħal Noah’s Ark għandhom bżonn animal ambulances li jkunu moderni. Il-Gvern għandu juri li verament għandu għal qalbu l-ħarsien u d-drittijiet tal-annimali bis-serjetà u jsaħħaħ l-għajnuna u l-finanzjament lil dawn l-għaqdiet.
Grazzi għall-proposta tal-PN mressqa fir-riforma tal-Kunsilli Lokali, f’kull Kunsill hemm Kunsillier responsabbli mill-ħarsien tal-annimali, u kien għall-Oppożizzjoni li f’pajjiżna twaqqfu milli jiġu organizzati tlielaq bil-klieb wara li oġġezzjonat fil-Parlament fuq klawsola fil-kuntratt tat-trakka taż-żwiemel li kienet tippermetti li jiġu introdotti dawn it-tip ta’ tlielaq.
Adrian Delia qal li għandu jinbagħat messaġġ b’saħħtu kontra min iwettaq moħqrija fuq l-annimali. F’diversi okkażjonijiet, l-Oppożizzjoni kienet ukoll kitbet lill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali fejn kienet talbet biex uħud mill-każijiet li ġew rappurtati fil-midja jiġu investigati f’kordinazzjoni mal-Pulizija.
Hekk kif il-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin iħobbu l-annimali u dawk li jrabbu l-annimali domestiċi qiegħed dejjem jiżdied, għandu jintbagħat messaġġ b’saħħtu lil dawk il-persuni li wettqu atti moħqrija fuq l-annimali, għaliex dawn l-atti m’humiex aċċettabbli.
Il-PN se jagħmel l-ambjent prijorità u ċ-ċentru tad-deċiżjonijiet fis-setturi kollha. Studji juru li l-annimali jbatu ferm minħabba t-tibdil fil-klima u meta s-siġar jinqerdu jew jitneħħew. Il-PN diġà ressaq proposti konkreti biex jiżdiedu l-programmi u l-inizjattivi għal aktar tħawwil ta’ siġar.
Jakkumpanja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia matul dawn iż-żjarat kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar.
//= $special ?>