Ġie identifikat bħala Pablo Muñoz iż-żagħżugħ Kolombjan ta’ 25 sena li ħamest’ijiem ilu miet mgħarraq fil-Mellieħa.
Net News jinsab infurmat li ż-żagħżugħ Kolombjan kien qed jiċċelebra għeluq sninu flimkien ma’ sħabu li għażlu dik li kellha tkun id-destinazzjoni tal-ħolm iżda spiċċat ħasditlu ħajtu.
Muñoz miet fiż-żona magħrufa bħala Coral Lagoon, li toffri spettaklu naturali, meta qabeż fil-baħar iżda sabha diffiċli li jerġa’ jitla’ lura minħabba n-natura tal-blat.
Jidher li ż-żagħżugħ wasal f’Malta f’Ġunju biex jistudja l-Ingliż, hekk kif kien qed isibha diffiċli li jsib xogħol minkejja li kien student eċċellenti tant li ggradwa bħala Business Administrator.
Hu kien qed jittama li jikseb għarfien tajjeb tal-Ingliż biex jirritorna f’pajjiżu u jsib xogħol tajjeb … iżda din il-ħolma ma kellhiex isseħħ.
Il-każ tiegħu xxokkja lil dawk li kienu jafuh, anke għaliex kien magħruf bħala għawwiem prom li jħobb l-isport relatat mal-baħar, anke għaliex twieled f’villaġġ assoċjat mas-sajd.
Flimkien miegħu kien hemm Kolombjan ieħor, kif ukoll sieħbu Messikan, meta Muñoz qabeż madwar 7 metri f’baħar li kien kalm iżda li beda jitqawwa malajr.
Waqt li sħabu rnexxielhom jaslu sal-blat u jżommu miegħu sakemm ġew salvati,
Muñoz inġarr ‘il barra. Minkejja li wera l-kapaċitajiet tiegħu fl-għawm, u dam għal ammont ta’ ħin jitqabbad mal-mewġ, eventwalment għejja u spiċċa għereq.
Kien Rafael Ricardo Orozco, il-Konslu għall-Kolumbja f’Ruma, li wassal l-aħbar tat-traġedja lill-familja tiegħu, li issa trid tara kif se twassal il-katavru tiegħu lura lejn pajjiżu f’dik li mistennija tkun ħidma diffiċli u li tiswa’ ħafna flus.
//= $special ?>