Internazzjonali

Iżrael: Prova iebsa għal Netanyahu f’elezzjoni missielta

Benjamin Netanyahu

Il-poplu Iżraeljan qed jivvota f’waħda mill-aktar elezzjonijiet ġenerali missielta għal ħafna snin u fejn il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu kien qed jilqa’ l-akbar sfida biex jibqa’ fil-poter.

Kien Netanyahu li sejjaħ din l-elezzjoni bikrija ( it-tieni waħda mill-bidu tas-sena) wara li naqas milli jifforma koalizzjoni wara l-elezzjoni ġenerali ta’ April.

L-ewwel indikazzjonijiet mill-vot se joħorġu matul il-lejl u meta fl-aħħar sigħat kien hemm it-tbassir li l-Partit Likud, ta’ Netanyahu, jista jispiċċa ‘ras-imb-ras’ mal-Partit Blu u Abjad taċ-ċentru, li qed jitmexxa mill-eks kap militari Benny Gantz.

Għaldaqstant, il-partiti politiċi ż-żgħar jistgħu jkunu strumentali għal dak li joħroġ mill-proċess. Dan meta n-negozjati dwar it-twaqqif ta’ koalizzjoni ġdida mistennija jibdew ftit wara l-konklużjoni tal-votazzjoni – u l-pubblikazzjoni tal-ewwel exit polls.

Waqt il-kampanja elettorali, Netanyahu – li hu l-aktar Prim Ministru Iżraeljan li qatt dam fil-kariga – kien appella għall-appoġġ mill-elementi tal-lemin biex jgħinuh jirbaħ ħames mandat ‘rekord’.

Hu, il-ġimgħa l-oħra, iddikjara li jekk jirbaħ l-elezzjoni għandu ‘japplika s-sovranità Iżraeljana’ għall-Wied tal-Ġordan —  li effettivament ikun ifisser li Iżrael, f’dan il-każ, ikun qed jgħaqqad xi tletin fil-mija tax-Xatt tal-Punent ma’ artu. Il-komunità internazzjonali kienet ikkundannat l-ambizzjonijiet ta’ Netanyahu, bit-Tmexxija tal-Palestinjani jfissru pass ta’ dan it-tip bħala ‘reat ta’ gwerra li jgħarraq kull prospett għall-paċi’.

Intant, Netanyahu anki rrepeta l-wiegħda mill-aħħar elezzjoni ‘biex jgħaqqad ir-residenzi tal-Lhud fix-Xatt tal-Punent mal-art ta’ Iżrael’.