“Il-maġġoranza tal-proposti li aħna tajna lill-Gvern baqgħu ma twettqux”, Marco Bonnici, MUT
Il-problema tan-nuqqas ta’ għalliema żgur mhux se tirrisolva jew titaffa’ jekk jiġu għalliema barranin. Dan kien l-appell tal-għalliema Maltin lill-Gvern fejn sostnew magħna li hemm il-ħtieġa li l-Gvern jisma’ u jimplimenta l-proposti tagħhom.
F’kummenti li ta lil NetNews il-President tal-Union tal-Għalliema, l-MUT, Marco Bonnici qal magħna li l-Gvern ilu snin jipprova jagħmel dan, iżda huma qatt m’aċċettaw.
Bonnici sostna li l-maġġoranza tal-proposti li huma taw lill-Gvern baqgħu ma twettqux, u kif ukoll tenna li l-bidliet li saru fil-Kors biex issir għalliem, fir-realtà kienu aktar ta’ detriment għal dawk li xi darba kienu qed jaspiraw li jidħlu jaħdmu fis-settur edukattiv, u jkunu għalliema.
“It-tibdil fil-kors, fis-snin, huwa ta’ detriment għal dawk li kienu jaspiraw li jkunu għalliema” – Marco Bonnici, MUT
Huwa qal li l-Gvern għandu jieħu ħsieb l-għalliema preżenti, iżda wkoll iħares lejn iż-żgħażagħ billi jagħmel numru ta’ inċentivi li jgħinu lill-istudenti, u kif ukoll ikollhom aktar risorżi biex jibqgħu għaddejjin.
“Professjonijiet oħra qed jattiraw aktar studenti, għalhekk hemm il-ħtieġa li jsir it-tibdil neċċessarju”.
Huwa qal magħna li l-għalliema llum il-ġurnata qed ikollhom ammont kbir ta’ xogħol fuqhom, u mhux biss għandu jitqiesu aktar inċentivi għal dawk li jridu jsiru għalliema, iżda wkoll jitjiebu l-pagi tal-għalliema u l-edukaturi preżenti.
“L-għalliema huma eżawsti bl-ammont ta’ xogħol li għandhom” – Graham Sansone, UPE
Graham Sansone mill-Union of Professional Educators qal magħna li l-għalliema diġà se jidħlu u jkunu eżawsti u dan minħabba deċizzjonijiet li ħa l-Ministeru li ma kkunsidrawx dan il-piż li hemm fuq l-edukaturi u l-għalliema.
“L-għalliema mhux jistrieħu u qed jibqgħu jaħdmu fuq materjal u xogħol ieħor biex ikunu jistgħu jagħtu l-aqwa lil uliedna.” – Graham Sansone
Huwa qal magħna li qabel il-professjoni ta’ għalliema kienet tattira lill-istudenti għax kien ikollhom anki ftit ħin aktar liberu fis-sajf, illum, fiċ-ċirkustazni li s-settur jinsab fih huwa, l-għalliema u l-edukaturi mhux jieħdu pawża lanqas fis-sajf. Huwa qal magħna li l-problema mhux se tissolva jekk ikun jiġu f’pajjiżna għalliema barranin.
Meta mistoqsi minn NetNews dwar il-kors ta’ għalliema fl-Università ta’ Malta, huwa sostna magħna li l-istudenti mhux ikollhom inċentivi biex tassew jaraw l-irwol ta’ għalliem bħala vokazzjoni u li dan l-impjieg huwa xogħol li int tista’ tagħmel għal ħajtek kollha.
“Il-kors preżenti ta’ għalliema huwa twil wisq u l-istudenti qed jieħdu korsijiet oħra li se jieħduk għal impjiegi li jkunu aktar stmati u li jitħallsu ħafna aħjar”.
Huwa qal magħna li hemm il-ħtieġa li l-istudenti jkollhom aktar stipendji, li permezz tiegħu ikollhom aktar risorżi biex jistudjaw u jagħtu l-massimu possibli biex jitgħallmu kif għandhom ikunu għalliema. Huwa qal li preżentament, f’dan ukoll hemm in-nuqqas.
//= $special ?>