F’dawn il-jiem il-Pulizija jidher li sabet il-pitturi li fi Frar li għadda kienu nsterqu mis-sular ta’ fuq tal-Kunvent tal-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.
Rapport fil-ġurnal In-Nazzjon jikkwota orsi qrib l-investigazzjonijiet illi qalu li dawn il-pitturi nstabu f’post partikulari lesti biex ikunu negozjati u mibjugħa. Minn stħarriġ li għamel In-Nazzjon jirriżulta wkoll li dan il-fond partikulari jappartjeni għal persuni li jagħmilha ta’ middle man fil-bejgħ ta’ oġġetti antiki u oġġetti ta’ natura reliġjuża.
Nifhmu li l-Pulizija f’dawn il-jiem tkellmet ma’ Patri Deo Debono OSA, li hu l-Kappillan tal-Parroċċa Santu Wistin fil-Belt Valletta, u li qed jgħin fl-istħarriġ tal-Pulizija mid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) u dawk mill-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta.
Jidher li l-pitturi misjuba jappartjenu għall-Kunvent tal-Knisja ta’ Santu Wistin u dawn il-kwadri imprezzabbli – skont ir-rapport fil-ġurnal In-Nazzjon – kien ingħad li kienu nsterqu “minn taħt imnieħer il-Kappillan” li oriġinarjament kien qal li ma kellux idea meta setgħet saret is-serqa mis-sular ta’ fuq tal-kunvent. Barra minhekk jirriżulta li l-fidda antika misjuba tappartjeni għall-Monasteru ta’ Santa Katerina.
