Internazzjonali

L-Afganistan: Tfal fost il-maqtula f’attakk waqt rally elettorali

Talanqas 50 persuna nqatlu – b’aktar minn 30 jindarbu — f’attakk suwiċida li seħħet waqt rally elettorali f’Charikar, il-kapitali tal-provinċja ta’ Parwan, li tinsab lejn it-Tramuntana ta’ Kabul.

L-attakk twettaq permezz ta’ splużjoni ftit qabel kellu jsir diskors mill-President tal-Afganistan, Ashraf Ghani. Numru ta’ tfal spiċċaw fost il-vittmi, bl-aggressur ikun militanti fuq mutur li attiva l-isplussivi ta’ fuqu wara li kien resaq viċin checkpoint. Il-President Ghani ma ġralu xejn fl-inċident.

Intant, tliet persuni oħra tilfu ħajjithom f’tieni splużjoni qrib l-ambaxxata tal-Istati Uniti fiċ-ċentru ta’ Kabul – b’dik iz-zona tinkludi anki l-Ministeri tal-Gvern u kumplessi tan-NATO.

Il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban aktar tard qalu  li ‘kienu huma wara l-attakki’. L-istess militanti ilhom il-ġimgħat iwettqu l-isplużjonijiet qattiela fl-Afganistan, bl-Istati Uniti, jiem ilu, twaqqaf it-taħditiet għall-paċi mar-rappreżentanti tat-Talibani.

Dan meta t-Taliban qed jirrifjuta li jidħol fi djalogu mal-Gvern tal-Afganistan u qed jimpenja ruħu biex itellef ( permezz tal-attakki) l-elezzjoni għall-Presidenza Afgana li għandha ssir fit-28 ta’ Settembru.