L-Oppożizzjoni kkundannat il-mod kif l-MFSA qed tagħmel użu minn fondi pubbliċi mingħajr għaqal u reqqa, b’mod li jmur kontra l-prinċipji ta’ governanza tajba.
Fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjonid war il-Finanzi, Mario de Marco, u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni Kristy Debono, issir riferenza għal żewġ skandli fi ħdan l-MFSA żvelati fl-aħħar jiem.
L-ewwel aħbar kienet li George Spiteri, eks Direttur tar-riżorsi Umani tal-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), ingħata għexieren ta’ eluf ta’ ewro biex jintemmlu l-kuntratt tax-xogħol.
Dan biex wara ftit ġranet jerġa’ jingħata impjieg ma’ entità tal-Gvern, li sa ftit qabel kienet tifforma parti mill-istess MFSA.
It-tieni aħbar hija golden handshake oħra, din id-darba lil Reuben Fenech l-uffiċċjal responsabbli mill-operazjonijiet tal-MFSA.
Din tal-aħħar, fl-opinjoni ta’ wieħed mill-Gvernaturi tal-istess MFSA, tant hija nkwetanti li wasslet biex l-istess Gvernatur jippreżenta l-Qorti protest ġudizzjarju fil-konfront tal-istess MFSA fejn żamm responsabbli lil Joseph Cuschieri CEO tal-MFSA f’każ illi dan jipproċedi li jagħmel il-ħlas kontra l-parir tal-istess Gvernatur. Il-Gvernatur stess ddeskriva dan il-ħlas bħala ‘reat’ u abbuż mill-użu ta’ fondi pubbliċi.
“Il-kontabbiltà titlob li tinġarr ir-reponsabbiltà politika ta’ dan l-abbuż,” tiddikjara l-Oppożizzjoni li se titlob li dawn il-każijiet jiġu diskussi u investgati b’mod urġenti mill-Kumitat Parlamentari għall-fondi pubbliċi (PAC).
//= $special ?>