Sport Sport Ieħor

Luxol għaddejjin bil-preparazzjoni għall-impenji fir-Rawnd Prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League

(Ritratt: Joe Borg)

Wara l-wirjiet mill-aqwa fin-Norveġja li bihom ikkwalifikaw għar-Rawnd Prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League, iċ-champions Maltin Luxol qed iżidu l-preparazzjoni tagħhom għal dawn il-logħbiet diffiċli.

Ftit ġimgħat ilu fi Tromso, Luxol rebħu t-tliet logħbiet tal-grupp tagħhom biex irrepetew is-suċċess li għamlu sentejn ilu fl-istess kompetizzjoni. Konxji mill-fatt li hu diffiċli biex jikkwalifikaw, Luxol għandhom il-mira li tal-anqas jilħqu jew jaqbżu dak li kisbu sentejn ilu. Fl-aħħar dehra tagħhom f’din il-fażi, Luxol kisbu rebħa fir-Rumanija kontra ċ-champions tal-Bożnija FC Mostar 5-2.

Il-klabb Malti taħt it-tmexxija taċ-chairman Joe Aquilina, il-President Mario Vella, il-Viċi President Jose da Silva u d-Direttur Tekniku Nathaniel Jones, qed jaħdmu iebes biex kemm jista’ jkun isaħħu l-iskwadra li diġà hi b’saħħitha, taħt it-tmexxija tal-kowċ Rumen Gabriel Dobre. L-akbar problema għalihom li probabbilment jitilfu lill-plejer Sloven Dejan Bizjak u għalhekk tal-anqas irid ikun hemm sostitut denju ta’ dan il-plejer ta’ livell għoli.

Luxol jinsabu fi Grupp 5 u telgħu fil-polza kontra t-tim Pollakk Bielsko-Biala, Csíkszeredai Sportklub tar-Rumanija u l-ospitani AC Sparta Praha. Il-logħbiet jintlagħbu bejn it-8 u t-13 ta’ Ottubru.

L-istaġun domestiku jiftaħ bil-finali tas-Super Cup kontra Valletta fis-27 ta’ Settembru. Għalkemm hemm unur fin-nofs, Luxol jistgħu jħarsu lejn din il-logħba wkoll bħala preparazzjoni tajba għal dawn l-impenji. Qabel imorru lejn Praga, Luxol mistennija jagħmlu żjara lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.