Ma tgħaddix ġurnata wahda li ma jfaqqax skandlu politiku ġdid mill-Gvern Laburista. Oxxenità waħda wara l-oħra. Fi ftit jiem, kellna tnejn kbar, fost ħafna oħrajn.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività għar-residenti tat-tielet distrett elettorali bħala parti mill-festi tal-Partit Nazzjonalista li jfakkru l-55 sena mill-kisba tal-Indipendenza.
Adrian Delia qal li llum il-midja żvelat kif il-Gvern irid ipoġġi poter assolut f’idejn il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Artijiet James Piscopo. Irid li Piscopo, li kien Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, u ħaġa waħda mal-klikka ta’ Kastilja jiddeċiedi hu trasferiment ta’ art tal-poplu li terzi. Kollox f’idejn Piscopo. Jiddeċiedi hu bl-art tal-poplu, jara hu lil min jagħtiha.
Deċiżjoni li, bir-raġun, tinkwieta lil kull min hu tal-affari tiegħu u mhux fost ‘il ftit tal-qalba li qed jaħtfu kollox, qal Adrian Delia. Fl-MFSA kellhu jkun eks Ministru Laburista stess li ma felaħx aktar u ħa passi legali fil-konfront tat-tmexxija tal-istess awtorità biex ma taġevolax, b’mod skandaluż kif riedet tagħmel, impjegat tagħha li, b’daqqa ta’ pinna, riedet tagħtih għexieren ta’ eluf ta’ ewro, spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Joe Brincat kien ċar u dirett, qal li hemm ksur sfaċċat tal-liġi punibbli taħt il-liġi kriminali. Spjega kif ”Artiklu 294 tal-Kodiċi Kriminali hija offiża aggravata dwar użu ta’ miżappropjazzjoni ta’ fondi u dwar dan għandhom jittieħdu passi kriminali, reat li huwa punibbli bil-ħabs, sentenza li t-terminu tagħha huwa minn seba’ xhur sa sentejn ħabs”. Daqstant huwa gravi l-iskandlu tal-MFSA. U ftit tal-ġranet ilu, qal Adrian Delia, kellna każ ieħor fejn ħareġ ċar kif entità oħra, bħal ħafna entitajiet oħra f’pajjiżna, spiċċaw hijacked mill-Gvern.
Dan kien il-każ tal-fast ferry service bejn Malta u Għawdex. Ġie stabbilit illi l-kumpanija governattiva Gozo Channel kienet taf li kien hemm diskrepanzi tekniċi u legali minn kif mistenni fil-kuntratt, iżda xorta ffirmatu u rebbħet it-tender lil kumpanija partikolari. Pajjiżna sab il-qiegħ. Mhux tort tal-poplu ħawtiel tiegħu, imma ħtija ta’ Gvern li l-poter telagħlu għal rasu u jaħseb li jista’ jgħaddi romblu minn fuq kulħadd.
Fl-aħħar ġranet, rapport tal-Moneyval ċanfar bil-kbir l-atteġġjament laxk tal-Gvern fil-qasam tal-governanza. Atteġġjament li kif diġà spjega l-PN, qed ipoġġi eluf ta’ impjiegi f’periklu. Il-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti dan. Se nkomplu noffru Oppożizzjoni b’saħħitha, imma fuq kollox, se nkunu qed nuru kif se nkunu Gvern ħafna aħjar minn dan preżenti. Il-PN fil-gvern jiggarantixxi istituzzjonijiet li jaħdmu b’mod ħieles u indipendenti mill-indħil tal-Gvern. Naraw li flus il-poplu jintużaw għall-ġid tal-poplu, mhux tal-ftit magħżulin.
Nassiguraw li dipartimenti, bhad-Dipartiment tal-Artijiet, u l-MFSA jaħdmu b’awtonomija u l-bordijiet rispettivi tagħhom jaġixxu b’mod korrett u professjonali. Malta tal-poplu tagħha mhux ta’ klikka li ħasbet li tista tagħmel li trid, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>