Lokali

Muscat irid aktar barranin f’Malta minkejja “l-pressjoni” li jġibu fuqna

Il-Prim Ministru Joseph Muscat rega’ ddikjara li jrid iktar barranin f’Malta, minkejja li jammetti li dawn qed iġibu magħhom diversi sfidi.

Il-mexxej Laburista għamel din id-dikjarazzjoni fl-intervista tal-Ħadd fuq One Radio.

Din id-dikjarazzjoni tasal biss ftit jiem wara li diversi professjonisti u rappreżentanti tas-soċjetà civili ġibdu l-attenzjoni tal-Ministru Edward Scicluna li l-Gvern m’ghandux pjan biex jilqa’ għaż-żieda fil-barranin.

Hafna enfasizzaw fuq in-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern għal pajjiż li fi kliem Tony Zahra mill-MHRA, sar jiddependi mill-barranin.

Zahra saħansitra kien iddikjara li pajjiżna s-sena d-dieħla jrid 15,000 barrani ieħor li jiġi jaħdem f’Malta.

Anke l-eks Deputat tal-Partit Laburista, illum Chairman tal-Air Malta, innota li pajjiżna nieqes minn road map dwar kemm nifilħu turisti.

L-istess bħall-iskart, fejn Mary Gaerty kienet nnutat li anke hawn għadna ma sibniex soluzzjoni.

Dan apparti li fl-aħħar jiem komplew joħorġu iżjed ritratti ta’ nies reqdin barra, fosthom grupp ta’ barranin rieqda max-xatt f’Tas-Sliema.