Futbol

Pep Guardiola jitlef ukoll lil John Stones

Il-problemi komplew jikbru għal Manchester City hekk kif ilbieraħ weġġa’ d-difensur internazzjonali Ingliż John Stones waqt sessjoni ta’ taħriġ.
Il-manager ta’ Manchester City Pep Guardiola qal li Stones għandu problemi muskolari fejn hu mistenni li jdum barra bejn ħames u sitt ġimgħat.
It-tim ta’ Manchester City li ġej minn telfa sorpriża fil-Premiership kontra Norwich City, kien qed jipprepara għal-logħba tal-lum mill-UEFA Champions League kontra Shakhtar Donetsk.
In-nuqqas ta’ Stones ftit iħalli soluzzjonijiet fid-difiża għal Pep Guardiola, fejn issa l-uniku difensur ċentrali disponibbli hu Nicolas Otamendi u dan għaliex id-difensur ċentrali l-ieħor Aymeris Laporte weġġa’ u se jdum barra sal-bidu tas-sena d-dieħla.
Guardiola qal li din hi sfida ġdida għalih, iżda jemmen li bl-impenn u determinazzjoni tal-kumplament tal-plejers huma jkunu kapaċi jegħlbu din l-isfida.