Il-Qorti Suprema fir-Renju Unit qed tikkunsidra żewġ sfidi legali u separati dwar jekk il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, aġixxiex skont il-kriterji tal-liġi meta ta l-parir lir-Reġina Eliżabetta biex il-Parlament jispiċċa sospiż.
Il-proċess, li beda llum, hu mqassam fuq tlett ijiem – bil-Qorti Suprema tisma’ li Boris Johnson kien ħa l-inizjattiva biex jissospendi l-House of Commons ‘biex jevita s-sogru li d-deputati parlamentari jfixklulu l-pjani għal Brexit’.
L-avukati li qegħdin jidhru għal dawk li sfidaw il-validità tas-sospensjoni ( effettiva għal ħames ġimgħat) qalu li hemm ‘provi qawwija’ li l-Prim Ministru kien qed iqis lid-deputati f’Londra bħala ‘ostakolu’ u li hu ried ‘li jagħlqilhom ħalqhom’.
Lady Hale, il-President tal-Qorti, sadanittant, enfasizzat li dan il-każ storiku mhu se jkollu l-ebda impatt fuq iz-zmien ta’ Brexit. Fl-ewwel stqarrija, hi qalet li, flimkien mal-għaxar kollegi, se tipprova tindirizza ‘il-kwistjonijiet legali serji u diffiċli’ relatati għall-każ, iżda mgħandhiex tiddetermina ‘il-kwistjonijiet politiċi aktar wiesgħa’ relatati mal-proċess għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Boris Johnson qal li ‘kien xieraq u legali’ li hu jagħlaq l-aħħar sessjoni tal-Parlament biex iwitti t-triq għad-Diskors tar-Reġina ( Queen’s Speech) fl-14 ta’ Ottubru.
Dan id-diskors ikun qed jippreżenta l-pjani leġislattivi tal-Gvern ta’ Johnson għas-sena li jmiss u l-Prim Ministru għamilha ċara li dan il-pass ma kellu xejn x’jaqsam ma’ Brexit jew mal-wiegħda tiegħu biex joħroġ lir-Renju Unit mill-UE – u, f’każ ta’ neċessità, mingħajr ftehim mal-Unjoni.
Iżda, il-ġimgħa l-oħra, qorti f’Edinburgh (fl-Iskozja) iddeċidiet favur grupp magħmul mill-politiċi minn kull naħa tal-kamra li sfidaw il-pass ta’ Johnson – bil-verdett li x-shutdown tal-House of Commons kien ‘illegali u mingħajr effett’.
L-ogħla qorti ċivili tal-Iskozja sabet li l-azzjonijiet ta’ Johnson ‘kienu motivati bl-iskop mhux xieraq li jtellef lill-Parlament milli jgħaddi l-pjani tal-Gvern dwar Brexit minn skrutinju xieraq’, qabel is-summit kruċjali għall-Mexxejja tal-UW li se jsir fis-17 ta’ Ottubru.
L-istess qorti Skoċċiża dikjarat li l-Prim Ministru Johnson, effettivament, mexxa ħażin lir-Reġina f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju ta’ poteri li huma esklussivi għall-Kap tal-monarkija.
//= $special ?>