Lokali Qorti

Titnaqqas s-sentenza fil-konfront tas-Serba, ħatja li bit-traskuraġni tagħha wasslet għall-mewt ta’ żewġ anzjani

Dan wara li hi dehret fil-Qorti tal-Appell u saħansitra tnaqqsitilha s-sentenza li se tiskonta l-ħabs.

Serba li kienet instabet ħatja li ħaqret żewġ anzjani u kienet ġiet ikkundannata ħames snin u nofs ħabs kellha s-sentenza tagħha mnaqqsa għal erba’ snin ħabs mill-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Dragana Mijalkovic ta’ 45 sena kienet instabet fuq akkużi li wasslet għal tbatija sal-mewt fil-konfront ta’ David Grant u Neville Ayers, li kellhom 67 sena u 78 sena rispettivament.

Waqt l-appell hi saħqet li ma ngħatatx is-smigħ mistħoq, hekk kif fost l-oħrajn mhux dejjem kellha avukat preżenti, ma kellhix interpretu kull ħin, l-espert medikun kien l-istess wieħed li għamel l-inkjesta, u saħansitra l-ispejjeż tal-esperti ma ġewx ikkalkulati sew.

Tnejn mill-argumenti li għamlet Mijalkovic ġew milqugħha mil-Imħallef Consuelo Scerri Herrera filwaqt li l-oħrajn ġew miċħuda. Dawk li ġew milqugħha kienu tal-ispejjeż u n-nuqqas tal-avukat waqt żewġ stqarrijiet mogħtija lill-Pulizija ġew sfilzati.

Fil-Qorti tal-Appell ġie rikonoxxut il-fatt li r-rabta bejn in-nuqqasijiet ta’ Dragana Mijalkovic u l-kważa tal-mewt tal-anzjani qatt ma ġew provati. Minħabba din ir-raġuni, il-Qorti ħadet deċiżjoni li titnaqqas il-piena ta’ ħabs għal erba’ snin u ġew imnaqqsa l-ispiża tal-esperti minn €14,518 għal €5,168.

Madanakollu, il-Qorti żammet id-deċiżjoni tagħha, dik li la darba Mijalkovic tiskonta s-sentenza ta’ ħabs għandha titlaq minnufih minn pajjiżna.