Il-Kap tal-Alleanza tan-NATO, Jens Stoltenberg, hu mħasseb ferm li t-tensjoni se teskala għal livelli allarmanti wara l-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa fuq il-faċilitajiet taż-żejt fl-Arabja Sawdija. Fl-istess ħin, Stoltenberg tenna li l-Iran qed ‘jiddestabilizza lir-reġjun kollu’, anki jekk l-Iranjani qegħdin jiċħdu dwar xi sehem fl-attakki – li huma fissru bħala ‘azzjoni reċiproka mill-poplu tal-Jemen’.
Fil-bidu tal-ġimgħa, l-Istati Uniti ħarġet ritratti mis-satellita li jiżvelaw il-ħsarat sostanzjali fil-faċilitajiet taż-żejt ‘minn dawn l-attakki bla preċedent’. Dan meta l-Amerikani qed jakkużaw lill-Iran bħala l-aggressur, minkejja li r-ribelli Houthi fil-Jemen ( li huma alleati ta’ Tehran) ħadu r-resonsabbiltà għall-attakki.
L-Istati Uniti għadha tiddubita kemm ir-ribelli Houthi għandhom il-kapaċità biex iwettqu l-attakki fuq din l-iskala ( u b’dan l-ammont ta’ preċiżjoni) ‘mingħajr għajnuna minn barra’. Dan meta l-koalizzjoni militari mmexxija lis-Sawdi li għaddejja bil-konflitt mal-Houthi temmen li ‘l-Iran ipprovda l-armi għall-attakki fuq il-faċilitajiet taż-żejt’.
Jens Stoltenberg, issa, qed iħeġġeġ biex il-partijiet kollha interessati ( fir-reġjun) jevitaw ripetizzjoni tal-attakki, għaliex inċidenza simili ta’ aggressjoni kapaċi tħalli l-konsegwenzi koroh ħafna għall-Istati kollha taz-zona. Dan meta l-Alleanza tan-NATO tibqa’ preokkupata dwar ‘eskalazzjoni fl-inkwiet’ potenzjali.
L-esperti qed jgħidu li jistgħu jdumu l-ġimgħat sakemm il-faċilitajiet milquta tas-Sawdi jkunu qed jiffunzjonaw mill-ġdid – bil-President Amerikan, Donald Trump, fost ir-referenzi ‘għas-sehem potenzjali tal-Iran’, jgħid li l-Istati Uniti trid issir taf l-identità ‘irrifjutabbli’ tal-aggressur.
Donald Trimp qal li l-Istati Uniti ‘hi aktar preparata minn ħaddieħor għal konflitt’ anki jekk tippreferi li tevita din is-sitwazzjoni. Dan waqt li s-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Mark Esper, akkuża lill-Iran ‘b’li qed jagħmel il-bsaten fir-roti għas-sistema tar-regoli li hi aċċettata fuq livell internazzjonali’.
//= $special ?>