Futbol Sport

Titnaqqas is-sospensjoni ta’ Neymar

(Ritratt: Sky Sports)

Il-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport naqset is-sospensjoni tal-attakkant ta’ Paris Saint-Germain Neymar minn tliet logħbiet għal żewġ logħbiet. Il-plejer ta’ 27 sena kien akkużat mill-UEFA wara l-eliminazzjoni ta’ PSG kontra Manchester United fis-6 ta’ Marzu. PSG ħadu l-każ fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport wara li l-UEFA ċaħdet l-appell tagħhom kontra s-sospensjoni. Il-CAS qalet li se tippubblika r-raġunijiet tad-deċiżjoni fi ftit ġimgħat oħra.

Hu se jitlef il-logħbiet ta’ għada kontra Real Madrid u kontra Galatasaray iżda jista’ jirritorna kontra Club Bruges fit-22 ta’ Ottubru.

Neymar ma lagħbx fiż-żewġ logħbiet kontra Manchester United. Huma kienu rebħu l-ewwel leg 2-0 iżda kienu megħluba 3-1 f’darhom. Il-Franċiżi kienu eliminati mit-tim Ingliż permezz ta’ penalty fl-94 minuta, b’Neymar isejjaħ id-deċiżjoni bħala tal-mistħija. L-azzjoni seħħet meta xutt ta’ Diogo Dalot ħabat ma’ id Presnel Kimpembe. Oriġinarjament ir-referee Damir Skomina ordna korner iżda bl-intervent tal-VAR, ornda penalty li minnu Marcus Rashford ma żbaljax.

Fuq il-media soċjali, Neymar kien kiteb “Tal-mistħija. Erbat irġiel li ma jafu xejn dwar il-futbol jaraw ripetizzjoni quddiem televiżjoni. X’jista’ jagħmel b’idu filwaqt li qiegħed daharu bil-kontra?”

Tags