L-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) f’Għawdex se jerġa’ jiftaħ bħas-soltu fil-ġimgħat li ġejjin minkejja numru żgħir ta’ studenti li qed jinkitbu.
Dan ħareġ minn rapport li deher fuq is-sit eletroniku ta’ Newsbook u Times of Malta.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-istudenti u l-ġenituri kienu ixxukkjati meta marru l-kampus tal-Qala biex jgħaddu xi dokumenti finali u qalulhom li ma kienx se jkun hemm korsijiet għax ma kinux biżżejjed nies irreġistrati. Minflok, qalulhom li studenti f’Għawdex se jkollhom isegwu korsijiet li joffru f’Malta.
Omm ta’ student li tkellmet ma’ Times of Malta ddeskriviet li fix-xhur li għaddew kien hemm għajdut li l-kampus jista’ ma jerġax jiftaħ din is-sena minħabba numru baxx ta’ studenti li applikaw għall-korsijiet. Jidher li madwar tmien studenti biss iffirmaw din is-sena, bin-nofs jagħżlu li jistudjaw f’Malta.
Dan ser ikun ta’ piż kbir fuq listudenti u l-familji tagħhom għaliex l-vjaġġi minn u lejn Malta jiswew wisq flus kif ukoll ħin.
Issa, l-istudenti irċivew ittra mill-istitut li tgħarrafhom li l-korsijiet kienu se jsiru f’Għawdex kif kien ippjanat anke jekk bi ftit studenti.
Ikkuntattjat dwar il-kwistjoni, kelliem għall-Ministeru tat-Turiżmu, li taħt l-ambitu tiegħu jaqa’ l-ITS, ikkonferma li l-korsijiet li se jsiru f’Għawdex bħas-snin preċedenti.
Dwar in-numru ta’ studenti li jistudjaw f’Għawdex, il-kelliem ma jgħidx kemm kien irreġistrat, minflok jgħid lil Times of Malta “il-parteċipazzjoni tal-istudenti tibqa’ fuq l-istess livell bħas-sena l-oħra”.
In-numru ta’ studenti li jirreġistraw f’Għawdex qed ikompli jonqos, dan minkejja li Gvern Nazzjonalista investa bil-kbir fl-ITS ta’ Għawdex fejn qabel 2013 kien post popolari ħafna mal-istudenti Għawdxin iżda l-Gvern ta’ Joseph Muscat injora għal kollox dan il-post.
//= $special ?>