Lokali

Bord ġdid għall-istitut Discern

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dr Sue Vella bħala chairperson ta’ Discern, l-istitut tal-Knisja għar-Riċerka tas-Sinjali taż-Żminijiet.

Dr Vella hija senior lecturer fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u membru fid-Dipartiment tal-Politika Soċjali u Ħidma Soċjali tal-Università ta’ Malta. Hija wkoll membru fuq bord ta’ NGO u ta’ kumpanija privata.

Qabel bdiet taħdem l-Università bħala lettur, serviet f’diversi karigi għolja mas-settur pubbliku u tat kontribut f’diversi kumitati fuq livell nazzjonali u Ewropew. Kompliet l-istudji tagħha fil-London School of Economics u fl-Università ta’ York. L-Arċisqof ħatar ukoll lil John Caruana, Dr Nadia Delicata, Jean Paul Fabri, Prof. Mary Anne Lauri, Michael Pace Ross u Prof. Edward Warrington bħala membri tal-Bord tad-Discern. Mons. Arċisqof irringrazzja lil Fr Joe Inguanez għas-servizz li ta tul is-snin fit-tmexxija tad-Discern, kif ukoll lill-membri tal-bord preċedenti.

Discern twaqqaf fl-1993 bħala istitut Djoċesan biex jgħin lill-Knisja f’Malta “teżamina s-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Evanġelju, u hekk, b’manjieri addattati għal kull ġenerazzjoni, tkun tista’ twieġeb għal dak li l-bnedmin dejjem jistaqsu dwar is-sens tal-ħajja ta’ issa u tal-ħajja li għad trid tiġi, u kif dawn għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin” (Gaudium et Spes, 4). Dan bil-għan li jkun ta’ servizz lill-Knisja fil-ħidma pastorali li twettaq fis-soċjetà.