B’mod esklussiv Net News jista’ jiżvela li fil-jiem li ġejjin, Patri Deo Debono se jkun qed jitressaq il-Qorti b’rabta mas-serqa ta’ pitturi mill-Kunvent ta’ Santu Wistin.
Il-Pulizija, fl-aħħar jiem sabet il-pitturi li fi Frar li għadda kienu nsterqu mis-sular ta’ fuq tal-Kunvent tal-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.
Rapport fil-ġurnal In-Nazzjon jikkwota sorsi qrib l-investigazzjonijiet illi qalu li dawn il-pitturi nstabu f’post partikulari lesti biex ikunu negozjati u mibjugħa. Minn stħarriġ li għamiln jirriżulta wkoll li dan il-fond partikulari jappartjeni għal persuni li jagħmilha ta’ middle man fil-bejgħ ta’ oġġetti antiki u oġġetti ta’ natura reliġjuża.
Jidher li l-pitturi misjuba jappartjenu għall-Kunvent tal-Knisja ta’ Santu Wistin u dawn il-kwadri imprezzabbli kien ingħad li kienu nsterqu “minn taħt imnieħer il-Kappillan” li oriġinarjament kien qal li ma kellux idea meta setgħet saret is-serqa mis-sular ta’ fuq tal-kunvent. Barra minhekk jirriżulta li l-fidda antika misjuba tappartjeni għall-Monasteru ta’ Santa Katerina.
Jidher illi l-Pulizija waslet għal Fr Deo Debono wara li fl-aħħar jiem irċeviet tagħrif minn persuna li kellu oġġetti entiki tal-knejjes…u li dawn l-oġġetti b’valur ta’ ftit aktar minn €2,000 xtrathom mingħand il-kappillan ta’ Santu Wistin Fr Deo Debono.
Sa issa, kemm il-Provinċja Agostinjana kif ukoll il-Kurja għadhom fommhom sieket dwar dawn l-iżviluppi xokkanti. Dan fl-istess waqt li l-kappillan baqa’ għaddej bl-impenji tiegħu tal-festa fil-Belt Valletta – festa li tiġi ċċelebrata l-Ħadd li ġej.
Hu mifhum li l-biċċiet tal-arti misruqa għandhom valur ta’ madwar €80,000.
Issa jidher li l-Kappillan tal-istess Knisja se jitressaq b’rabta ma’ din is-serqa.
