45 persuna ddaħlu f’Xatt it-tiben fil-ħin li ġej grazzi għall-intervent tal-Forzi Armati ta’ Malta. L-immigranti kienu jinsabu ftit ‘il barra mill-kosta Maltija.
Jidher li fost dawk abbord kien hemm mara tqila li qed titlef id-demm, flimkien ma’ għadd ta’ nisa u tfal oħra.
Id-dgħajsa tal-injam telqet mil-Libja fi triqtha lejn l-Ewropa.
Fi tweet li għamlu Alarm Phone huma staqsew għaliex Malta kienet għadha ma ħaditx azzjoni biex issalva lil dawn l-immigranti meta ilu aktar minn 3 sigħat li l-Awtoritajiet Maltin ġew mgħarrfa bis-sitwazzjoni tal-mara tqila li issa hemm il-biża li laħqet tilfet it-tarbija tagħha.
Dan hu t-tieni żbark f’inqas minn 24 siegħa wara li lbieraħ daħlu total ta’ 84 immigrant wara li ġew salvati mill-Gwardja tal-Kosta Talljana. Il-wasla tal-immigranti ġiet ikkonfermata lil Net News mill-Forzi Armati ta’ Malta meta staqsejna dwar dan, iżda sa issa, ma nħarġet l-ebda stqarrija mill-Gvern dwar din il-wasla.
Bil-wasla tal-immigranti tal-bieraħ u din tal-lum, issa tela’ għal aktar minn 1600 sew in-numru ta’ persuni li ddaħħlu f’pajjiżna mill-bidu tas-sena ‘l hawn.
//= $special ?>