Sport Sport Ieħor

Ħames plejers Maltin impenjati f’żewġ kompetizzjonijiet internazzjonali tat-Table Football

Ħames plejers membri tal-Malta Table Football Sports Association ħadu sehem f’żewġ kompetizzjonijiet differenti barra minn Malta. Derek Conti u Angelo Borg ta’ Valletta SC, John Zammit ta’ Bormla SC u Jason Pisani tat-tim Taljan Master Sanremo ikkompetew fil-Grand Prix ta’ Eugies fil-Belġju, filwaqt li Massimo Cremona li jilgħab mat-tim Taljan Napoli Fighters ipparteċipa fl-International Open ta’ Firenze.

Fil-Belġju, il-plejers ta’ Valletta SC Derek Conti u Angelo Borg waslu sas-semifinali wara li kienu avvanzaw mill-fażi tal-gruppi. Angelo Borg li kien qed jikkompeti għall-ewwel darba ma’ Valletta, kien eliminat minn Christophe Dheur ta’ Charleroi 2-1 bix-shots. Fis-semifinali l-oħra, Derek Conti tilef kontra Justin Leroy ta’ RTS Rochefort 4-3 li eventwalment rebaħ it-tournament.

Fil-kategorija tal-Veterani, John Zammit ta’ Bormla SC wasal mal-aħħar 16 filwaqt li Jason Pisani ħa sehem fl-avveniment tat-tim u wasal sal-kwarti tal-finali mat-tim Master Sanremo.

Massimo Cremona kellu riżultat aħjar fil-belt Taljana ta’ Firenze hekk kif bħala parti mit-tim Napoli Fighters, rebaħ il-kompetizzjoni tat-timijiet wara rebħa ta’ 2-1 kontra Fiamme Azzurre fil-finali. Fil-kategorija Open, Cremona wasal sal-aħħar 16.

L-impenn li jmiss ta’ Valletta Subbuteo Club hu fiċ-Champions League tat-Table Football li tintlagħab fl-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru.