Lokali

Il-Ministru ma jweġibx kemm daħlu immigranti

Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ma jridx jgħid kemm kienu l-immigranti irregolari s’issa li ntbagħtu f’xi pajjiż Ewropew ieħor wara li jkunu ddaħħlu f’pajjiżna.

Kull darba li l-AFM jew bastiment tal-ngo’s tella’ lil xi grupp ta’ immigranti, wara li jkunu għadhom kif ġew salvati f’nofs ta’ baħar, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat dejjem qal li dawn kienu aċċettati għax kienu se jintbagħtu lejn xi pajjiż Ewropew ieħor.

Fil-jiem li għaddew, kif mitlub, NET News bagħat mistoqsijiet b’email dwar kemm dan il-proċess qed ikun suċċess u allura, kemm-il immigrrat intbagħtu s’issa.

Madankollu, il-Ministru ma weġibx u rrfeferiena għar-rapporti li kultant żmien naraw fuq ix-Xandir tal-Istat, meta ammont żgħir ta’ immigranti jitilqu minn Malta fi triqthom lejn xi pajjiż ieħor, f’ċerimonji li ma tkunx miftuħa għall-media kollha.

Fl-email mibgħuta lil għadd ta’ Uffiċjali fil-Ministeru tal-Intern, fosthom lill-Ministru Farrugia nnifsu, NET News staqsa kemm hemm immigranti bħalissa fiċ-ċentri ta’ detenzjoni u ċ-ċentri miftuħa ta’ pajjiżna, l-ispiża għaż-żamma ta’ dawn iċ-ċentri u kemm hemm persuni impjegati fihom.

Tennejna għal aktar minn darba kemm minn dawk l-immigranti li daħlu abbord bastimenti ta’ NGOs internazzjonali, fil-verità ntbagħtu lejn pajjiżi Ewropej oħra.

Iżda meta issa ffaċċjat bil-mistoqsija wiċċ imb’wiċċ, il-Ministru sempliċiment wieġeb li m’hemmx għalfejn jagħti ċifri.

U finalment, mistoqsi jħassbux il-fatt li, f’dawn iċ-ċirkostanzi, l-immigranti qed jgħixu f’ċentri ffullati, hu telaq għax qal li weġibna biżżejjed.