Lokali

Il-PN se jkun qed joffri kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu tagħna – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti li l-Gvern jagħmel li jrid bil-fondi pubbliċi u minn Kastilja jibqa’ jaħtaf l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, b’detriment għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna u b’theddida għal eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista li saritlu mill-ġurnalist Brian Hansford waqt diskussjoni politika parti mill-attivitajiet li qed jorganizza l-PN fl-okkażjoni tal-55 sena mill-kisba tal-Indipendenza.

Adrian Delia qal li kuljum joħroġ skandlu ġdid li l-Gvern Laburista jagħmel mingħajr mistħija. Fl-MFSA kellhu jkun wieħed mill-Gvernaturi, Joe Brincat li kien eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, li ħa passi legali fil-konfront tal-awtorità biex ma taġevolax, b’mod skandaluż impjegat tagħha u tagħtih għexieren ta’ eluf ta’ ewro. L-Oppożizzjoni se titlob li dawn l-każijiet fl-MFSA jiġu diskussi u investgati b’mod urġenti mill-Kumitat Parlamentari għall-fondi pubbliċi (PAC). Każijiet oħra ta’ skandli fl-aħħar jiem huma kif il-Gvern irid ipoġġi poter assolut f’idejn il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Artijiet James Piscopo, li kien Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, li jiddeċiedi hu trasferiment ta’ art tal-poplu, u każ ieħor tal-fast ferry service bejn Malta u Għawdex fejn ġie stabbilit li l-Gozo Channel kienet taf li kien hemm diskrepanzi tekniċi u legali minn kif mistenni fil-kuntratt, iżda xorta ffirmatu u rebbħet it-tender lil kumpanija partikolari.

Adrian Delia qal li l-PN se jkun qed jappoġġja n-nomina ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropea fl-interess nazzjonali, iżda l-Gvern għandu minnufih jieħu d-deċiżjonijiet b’serjetà biex isewwi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna li kisser. Dan meta fl-aħħar ġranet, rapport tal-Moneyval ċanfar bil-kbir l-atteġġjament laxk tal-Gvern fil-qasam tal-governanza, li jpoġġi eluf ta’ impjiegi f’periklu jekk pajjiżna jispiċċa black listed. Dr Delia qal li issa huwa ż-żmien li l-Gvern irid jagħmel il-parti tiegħu, għaliex jekk jibqa’ ma jieħux id-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex isewwi r-reputazzjoni ta’ Malta jkun qed jikkonferma li ta’ Kastilja “l-ewwel buthom, qabel kollox”.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa Gvern bla pjan li qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni, u n-nuqqas ta’ pjan qed iwassal biex bosta setturi ta’ pajjiżna bħall-ambjent, l-infrastruttura, t-toroq, il-pagi, l-propjetà u l-kirjiet jintlaqtu ferm ħażin. Adrian Delia qal li Gvern Nazzjonalisti rnexxilhom jattiraw u jkabbar setturi ekonomiċi ġodda li għadhom irendu sal-lum bħas-settur tas-servizzi finanzjarji, l-avjaazzjoni u l-farmaċewtika filwaqt li fetaħ il-bibien beraħ tal-Università għall-istudenti kollha u emmen li permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea mhux biss inkunu madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet imma li kapaċi nesportaw l-aqwa kwalitajiet tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista minflok se jkun qed jagħmel l-ambjent prijorità u ċ-ċentru tad-deċiżjonijiet fis-setturi kollha f’dik li tissejjaħ circular economy, b’hekk biss jista’ jkollna żvilupp sostenibbli. Dan għaliex il-PN jemmen li l-ambjent jista’ jixpruna l-iżvilupp, li l-edukazzjoni hija l-aqwa għodda għall-futur ta’ uliedna, u li bl-ispazji tagħna nistgħu nġibu u nattiraw l-aqwa investiment lejn pajjiżna u mhux iċ-cheap labour li ġab il-Gvern Laburista.

Matul l-intervista mal-ġurnalist Brian Hansford, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wieġeb ukoll għal bosta mistoqsijiet diversi fosthom dwar il-Kunsill Ġenerali Stroardinarju ta’ Lulju fejn ġab aktar minn żewġ terzi tal-voti u kkonferma l-mandat li jmexxi lill-PN sal-elezzjoni ġenerali, dwar il-mina bejn Malta u Għawdex u s-sehem tan-nisa fil-ħajja politika.