Internazzjonali

Iżrael exit polls: iż-żewġ fazzjonijiet ewlenin ras imb’ras

  • Din hi t-tieni elezzjoni f’Iżrael fi żmien ħames xhur

L-exit polls tal-elezzjoni ġenerali f’Iżrael qed turi ż-żewġ partiti ewlenin ras imb’ras. L-Alleanza magħruf bħala tal-Abjad u l-Blu immexxija mill-eks kmandant Benny Ganz hi maħsuba li rebħet bejn 32 u 34 siġġu fil-Knesset (il-Parlament Iżraeljan) filwaqt li l-Partit Likud tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu hu maħsub li rebaħ bejn 30 u 33 siġġu.

Dan ifisser li t-tielet partit – Yisrael Beitenu immexxi minn Avigdor Lieberman – aktarx se jkun deċiżiv dwar min se jkun qed imexxi l-Gvern Iżraeljan. Benjamin Netanyahu sejjaħ elezzjoni ġenerali oħra peress li fl-elezzjoni ta’ April li għadda hu ma rnexxielux jifforma koalizzjoni ta’ Gvern.

Din l-elezzjoni għandha importanza personali vitali għal Netanyahu hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin jista’ jiffaċċja tliet każi ta’ korruzzjoni li jġorru magħhom piena ta’ ħabs. Iżda jekk jirbaħ maġġoranza fil-Knesset, hu jkun jista’ jikseb immunita’ minn prosekuzzjoni.