Tkompli l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Cisse fejn ġiet miċħuda t-talba għal libertà proviżorja
Meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ żewġ suldati mixlijin bil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane, ix-xhud prinċipali kienet l-eks tfajla ta’ Lorin Scicluna, wieħed mill-akkużati fejn qalet li jekk tiftakar sew l-eks tagħha kien raqad għandha u kien qalilha fuq każ ta’ ‘hit and run’, meta kien ma’ Fenech f’Birżebbuġa.
Qalet ukoll li huwa kien qalilha li bniedem ta’ karnaġġjon skur kien ħarġilhom għan-nofs u tajjruh. Scicluna kien qalilha qabel l-arrest iżda mhux meta ġara dak li ġara. Spjegat li Lorin kien qalilha li kien kissirlu l-windscreen bid-daqqa iżda l-bniedem ma weġġax. Hi kienet mistoqsija min kien qed isuq u wieġbet “suppost Lorin dejjem.”
Fi tmiem il-kumpilazzjoni l-Qorti ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja wara l-Avukat Franco Debono li jmexxi t-tim legali f’isem Lorin Scicluna għamel aktar sottomissjonijiet dwar il-ħelsien mill-arrest f’isem il-klijent tiegħu. Huwa qal li l-maġġoranza tax-xhieda taw id-depożizzjoni tagħhom f’dan il-każ u għaldaqstant issa wasal iż-żmien biex it-talba tinlaqa’.
“Il-libertà hija r-regola u mhux l-eċċezzjoni….ma talbniex il-ħelsien mill-arrest aktar għax ma riednix ngħaġġlu, iżda issa ħafna mill-evidenza nġabret”, qal l-Avukat Franco Debono, liema talba saret ukoll mit-tim legali ta’ Franceso Fenech.
Minn naħa tagħha l-Avukat Nadia Attard mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet li minħabba l-gravità tal-każ, u anke u l-oġġezzjoni minn naħa tal-pubbliku inġenerali wara l-isparatura li seħħet, it-talbiet għal libertà proviożorja għandu jiġi miċħuda.
L-akkużati qed jiffaċċaw sentenza ta’ għomor il-ħabs, jekk jinstabu ħatja. Qalet ukoll li għad baqa’ numru sostanzjali ta’ persuna li għad jridu jixhdu, fosthom nies pajżana.
Ftit wara li temmet ix-xhieda għall-mistoqsijiet tal-Prosekuzzjoni bl-eks għarusa tintalab biex tibda twieġeb il-mistoqsijiet minn naħa tad-difiża Lorin Scicluna, deher kommoss ħafna u f’ħin minnhom sa anke qabad jibki.
Hija kienet qed tixhed fil-konfront ta’ ta’ żewġ suldati akkużati bil-qtil tar-raġel mill-Kosta tal-Ivorju, Lassana Cisse Souleymane ta’ 42 sena. Lorin Scicluna ta’ 22 sena u Francesco Fenech ta’ 21 sena qegħdin jiġu akkużati wkoll li kkawżaw ġrieħi ta’ natura gravi fuq żagħżugħ miċ-Chad. Cisse inqatel fi Triq il-Ġebel Birżebbuġa f’April li għadda. Filwaqt li Ibrahim Bahh u Mohammed Diallo li huma mill-Gambja kienu sfaw feruti.
L-eks tfajla tiegħu xehdet fil-Qorti li mhux l-ewwel darba li Lorin Scicluna qalilha, “nġibuh magħna biex ma nħallihx waħdu d-dar,” dan meta kien jitkellem dwar sieħbu Francesco Fenech. hija qalet li Lorin Scicluna kien iħobb ħafna l-kumpanija ta’ Fenech.
Kompliet tgħid li Lorin beda jċempilha mill-ħabs fuq il-mowbajl qisu kull erbat ijiem. Tenniet li filgħaxija stess qabel ġie arrestat kellimtu. Tgħid li jekk tiftakar sew kien raqad għandha l-lejl qabel. Kompliet tgħid li dak il-lejl huwa kien qalilha għall-ewwel darba fuq il-‘hit and run’, meta kien ma’ Fenech f’Birżebbuġa.
Il-Prosekuzzjoni staqsiet i lill-eks tfajla ta’ Scicluna dwar kummenti li ġieli huwa għamel dwar persuni ta’ karnaġġjon skura. Tenniet li kien jgħid li dawn jaħsbu li “they want to rule the place”.
Sadanittant meta kienet se tibda tixhed l-eks tfajla ta’ Scicluna, l-Ispettur Keith Arnaud iddikkjara li din ma għandha bżonn l-ebda twissja u ma teżisti l-ebda indikazzjoni li jistgħu jittieħdu xi proċeduri fil-konfront tagħha.
Fix-xhieda tagħha qalet li minkejja li l-akkużati kienu ħbieb sew qatt ma kkunsidrat lil Fenech li huwa xi ħabib. Qalet li kienu biss xi darbtejn jew tlieta li hija kienet preżenti meta Scicluna u Fenech kienu flimkien. Kompliet tgħid li normalment dawn kienu joħoġu dawra bil-karozza ji jixtru xi ħaġa x’jieklu, normalment xi ‘fast food’. Wara Scicluna u hi kienu marru d-dar waħidhom.
Mistoqsija x’kien hemm li jgħaqqadhom l-akkużati, qalet li l-Armata. “Ma nafx jekk Francesco, qatt ma marx miegħu l-kaċċa,” kompliet tgħid u li ma tafx jekk qattx akkumpanjah. Ħareġ ukoll li d-deleziji ta’ Scicluna huma li jmur ir-‘range’ u jilgħab bil-playstation.
Ħareġ ukoll mix-xhieda tagħha li kellha relazzjoni ta’ sentejn u seba’ xhur mal-akkużat u spiċċaw ftit ġranet wara li seħħ l-arrest. Qalet li saret taf kollox mill-midja dwar il-każ.
Il-Prosekuzzjoni talbitha biex tmur lura fiż-żmien u tiftakar jekk ratx jew semgħetx xi ħaġa li issa tifhem aktar dan kollu għalfejn seħħ. Qalet li l-eks tagħha minn quddiemha qatt ma għamel xejn. Iżda jekk ikunu fit-triq u jkun hemm raġel ta’ karnaġjonn skura u jħares lejh, huwa kien jgħidlu “Xi trid? Trid xi ħaġa?” Hi tispjega li darba din ġrat Ħaż-Żabbar meta kien qed iwassalha biex tmur tixtri.
Kompliet tgħid li dawn l-inċidenti ġraw meta huma jkunu għaddejjin bil-karozza u jekk ikun hemm persuna ta’ karnaġjon skura tħares lejh huwa kien jaqbad u jistaqsihom għaliex qed jagħmlu hekk. Iżda dan kollu kien jieqaf hemm. Huwa ma kienx jibqa’ għaddej biha wara li jitilqu minn fuq il-post.
Il-Prosekuzzjoni wriet ritratti tal-karozza ta’ Scicluna lill-eks tfajla tiegħu. Hi qalet li l-faxx tat-tape fuq il-bieba sar ftit tal-ġimgħat qabel l-arrest. Hi semmiet il-mera, l-isticker u l-faxx iswed bit-tape.
Ix-xhud kienet mistoqsija kemm kienet ilha taf li Francesco Fenech u l-eks ‘boyfiend’ tagħha kienu ilhom jafu lil xulxin. Qalet li Fenech u Scicluna ltaqgħu waqt ir-reklutaġġ mal-Forzi Armati. Hi tgħid li hi ma kinitix “close” ma’ Fenech. Tispjega li sa fejn taf hi Scicluna u Fenech kienu jiltaqgħu spiss.
Kompliet tgħid li Scicluna, meta hi kienet tkun shift ta’ billejl, Fenech u Scicluna kienu jmorru jieklu flimkien. Kompliet tgħid fix-xhieda tagħha li dak inhar li seħħ il-każ kienet il-Gallerija, l-Fgura tara l-film ‘Dumbo’ ma’ oħtha. Qalet li l-film spiċċa tard, għall-ħabta tal-11pm, u dakinhar Scicluna kien xogħol sa filgħaxija, u wara mar dawra ma’ Fenech.
Qalet li fl-intervall tal-film kienet bagħtitlu xi SMS’s biex tgħidlu fejn kienet. Viċin it-tmiem tal-film beda jibgħatilha u jistaqsiha fejn kienet qegħda, f’liema ċinema, eċċ u hija rrisponditu‘int bis-serjetà?’
Il-Prosekuzzjoni staqsiet lix-xhud dwar it-Toyota Starlet tal-eks boyfiend tagħha. Kompliet tgħid lill-Qorti li kien jużaha huwa biss u dwar id-dehra tal-karozza, din kellha daqqa fuq in-naħa tal-passiġġier għax kienet daħlet waħda fuqhom. Qalet lilll-Qorti li kien għamel ‘sticker’ fuq il-windscreen ta’ wara ftit qabel ma ġie arrestat.
Waqt il-kontro-eżami l-Avukat Gianella de Marco li qed tidher għal Francesco Fenech. Ix-xhud qalet li hija kienet bidlet il-mowbajl għax inkissret il-kamera ta’ wara. Sostniet li fil-mowbajl il-ġdid ma għandhiex in-numru ta’ Lorin Scicluna. Tgħid li l-messaġġi li kellha kienet urietuhom lill-Ispettur Arnaud.
L-ewwel xhud kien uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta li f’idejh għandu r-rekords tal-Armata. Huwa ntalab jġib miegħu xi informazzjoni dwar l-akkużati.
Qal li dawn ġew reklutati f’Ottubru 2017. Wara li ħa l-ġurament Francesco Fenech kien intbgħat fl-ewwel reġiment ta’ C-Company. Filwaqt li Lorin Scicluna kien intbgħat fit-tielet reġiment.
Xhud ieħor kien l-Ispettur tal-Pulizija Joseph Gerada mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali li qal li huwa kien jagħmel parti minn tim li ttrekkja l-karozza ta’ Scicluna mix-xena tad-delitt fejn intużaw filmati tas-CCTV.
Huwa qal li kienu fittxew fuq lista ta’ sewwieqa li kienu sidien tal-istess mudell tal-karozza Toyota Starlet, u dan biex eventwalment waslu għall-akkużat.
L-Ispettur Gerada qal ukoll fil-Qorti li filmati mis-CCTV li ttieħdu minn garaxx f’Raħal Ġdid juru żewġt irġiel qegħdin jagħmlu alterazzjoni fl-istess mudell tat-Toyota Starlet, l-istess karozza tal-akkużat. Filmati oħra wrew kif żewġt irġiel kienu telqu minn fuq il-post f’karozza sewda, liema evidenza qal ix-xhud tinsab kollha fil-pusses tal-Qorti.
Sadanittant din il-kawża ma bdietx fil-ħin u dan għall-problemi li jeżistu fuq dawk li jagħmlu eskorta mal-priġunieri. Uffiċjal tal-iskorta qal lill-Qorti li kull m’hemm illum huma biss seba’ uffiċjali għal 30 ruħ. Il-Pulizija qal li ħadd ma jrid imur jaħdem magħhom bħala skorta fl-awli.
Il-Maġistrat innifsu Ian Farrugia minn naħa tiegħu tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-iskorti u d-dewmien. Il-Qorti qalet li l-awtoritajiet konċernati li huma konxji tas-sitwazzjoni għandu jsir sforz kollettiv biex tali sitwazzjoni titjieb u ssir iktar effiċjenti. Qal li dan qed jingħad għaliex jidher li hemm problema sejra fl-effiċjenza tal-iskorti.
“Minix qed inċanfarkom! Ma jistax ikun li tlieta jew erba’ minn nies iridu jtellgħu 20 ruħ,” sostna il-Maġistrat huwa u jindirizza l-iskorta preżenti fl-awla.
Huwa kompla jgħid li din is-sitwazzjoni qed titfa’ piż kbir fuq dawk li qed jesbixxu l-iskorti u qed toħloq problemi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja partikolarment billi qed jinħela ħafna ħin.
Għaldaqstant hi l-fehma tal-Qorti li flimkien, il-Kummissarju tal-Pulizija u d-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandhom jindirizzaw din is-sitwazzjoni mill-iktar fiss possibli. Dan kieku jgħin biex jiġi evitat li jkun hawn ħafna lmenti.
Il-Maġistrat Ian Farrugia qal ukoll li hemm problema “kbira” bl-iskorta biex l-akkużati jitellgħu mil-Lock Up għall-awli. Is-seduta kienet mistennija tibda fid-9.30am, iżda kien biss fl-10am li waslu l-akkużati fl-awla u għaldaqstant il-kumpilazzjoni bdiet aktar minn siegħa wara.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud. Nadia Attard qed tidher mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għal Lorin Scicluna qed jidhru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Kris Busietta u Julian Farrugia, filwaqt li għal Francesco Fenech qed tidher l-Avukat Gianella De Marco u Stephen Tonna Lowell. Filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għal parte civile.
//= $special ?>