Lokali

L-MFSA tibqa’ xotta fi kliemha

Accept Analitiċi cookies to view the content.

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji għażlet li tibqa’ siekta dwar l-iskandlu żvelat fil-jiem li għaddew fuq il-Kap Eżekuttiv tagħha Joseph Cuschieri.

Dan wara li l-eks Ministru Laburista Joe Brincat ippreżenta Protest Ġudizzjarju fejn kixef skandu kbir iehor fl-MFSA, meta ċ-Chief Operating Officer tal-Awtorità ġie offrut somma flus biex iħalli postu wara argument jaħraq dwar l-operat…propju mal-Kap Eżekuttiv.

Skandlu li ħareġ fil-beraħ biss grazzi għall-Protest Ġudizzjarju tal-Avukat Brincat … minkejja t-trasparenza li l-Gvern Laburista dejjem wiegħed li se jmexxi biha. Imbagħad, fi skandlu serju bħal dan … silenzju assolut.

L-istess kif ghamel il-Gvern meta dwar il-“golden handshake” lil George Spiteri baqa’ fil-muta – u sadattant Spiteri inghata pakkett ta’ €150,000 biex jirtira kmieni.

Fi stqarrija xotta biex tirreaġixxi għall-Protest Ġudizzjarju, l-MFSA qalet biss li ħadet nota ta’ dak irrappurtat.

Joe Brincat, li għal xi żmien kien ukoll Deputat Mexxej Laburista, iddikjara li b’dan il-każ inkisret is-Saltna tad-Dritt. Barra minhekk, hu wissa wkoll li jekk Cuschieri jwettaq dak li għandu f’moħħu, ikun qed iwettaq reat u jikkommetti illegalità, ladarba l-fondi tal-MFSA mhumiex xi ċekk miftuħ li jista’ juża’ kif irid.

Dan l-aħħar skandlu fl-MFSA wassal għall-kundanna ta’ ħafna, fosthom tal-Partit Nazzjonalista, li talab diskussjoni u investigazzjoni urġenti mill-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC). Barra minhekk, l-Oppożizzjoni qed teżiġi wkoll li għandha tinġarr ir-responsabbiltà politika.

Dan hekk kif il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan l-iskandlu ma hu xejn ħlief użu mingħajr għaqal tal-fondi pubbliċi, b’mod li jmur kontra l-prinċipju ta’ governanza tajba.

Iżda quddiem dan kollu, l-Awtorità – li taqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna – għażlet li tibqa’ siekta għalkollox u ma tweġibx għal dawn l-akkużi serji.

Dan mhux l-ewwel każ li l-MFSA aġixxiet tard wisq jew saħansitra ma ħaditx passi dwar sitwazzjonijiet serji. Fost l-oħrajn, żgur li wieħed jiftakar f’kemm damet ma tieħu azzjoni fil-konfront tal-Bank Pilatus, minkejja d-daqqa ghar-reputazzjoni ta’ pajjizna.