Ninsabu f’xifer ta’ kriżi fl-Edukazzjioni. Jekk hemm bżonn, nieħu din il-kwistjoni fil-Parlament”.
Hekk stqarr il-Kummissarju tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Uffiċju tal-Ombudsman Charles Caruana Carabez waqt Konferenza tal-Aħbarijiet fejn ħabbar li se jkun qed jiftaħ investigazzjoni dwar in-nuqqas ta’ għalliema, wara li l-Gvern qal li se jkun qed jimpjega għalliema barranin fl-iskejjel tagħna.
Caruana Carabez qal li l-problema tan-nuqqas ta’ għalliema tħalliet teskala tant li jekk mhux se tittieħed azzjoni immedjata, is-sitwazzjoni prekarja li għandna bħalissa f’dan il-qasam se twassal għal kriżi.
Il-Gvern ilu s-snin jaf li fuq ħoġru għandu problema serja – hekk kif qiegħed kull ma jmur jiżdied in-numru ta’ għalliema li qed jitilqu xogħolhom għax ma jistgħux jissaportu aktar bil-kundizzjonijiet li għandhom. Dan minbarra n-numru ta’ għalliema li qed itemmu s-servizz tagħhom u joħorġu bil-pensjoni. Il- problema tkompli tikber meta wieħed iqis li sena wara sena qed jonqos in-numru ta’ studenti li qed jagħżlu il-kors tal-għalliema fl-Univeristà ta’ Malta.
Ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Evarist Bartolo bhal donnu ried jghid li m’hanwx nuqqas ta’ ghalliema. Izda ftit wara, spicca ghamel u-turn, .tant illi issa qed jipprova jsolvi sitwazzjoni li qed tippreċipita billi jgib għalliema barranin.
Il-Kummissarju tal-Edukazzjoni jemmen li din il-problema taf il-bidu tagħha mill-kundizzjonijiet miżeri u l-pagi baxxi li qed jingħataw l-għalliema u li x-xogħol ta’ għalliema ma jistax jitkejjel.
Net News fl-aħħar jiem bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministru tal-Edukazzjoni propju dwar il-kriżi tal-għalliema, iżda bħal ma kien mistenni, bqajna bla tweġibiet.
U issa hekk kif ninsabu inqas minn ġimgħa bogħod mill-bidu tas-sena skolastika, hu evidenti li l-Gvern qed ittih rasu biex jipprova jsolvi problema li issa ilu jiknes taħt it-tapit is-snin.
//= $special ?>