Futbol Sport

Wembley Stadium mistenni jospita l-finali tal-UEFA Champions League fl-2023

Il-UEFA mistennija tikkonferma li Wembley Stadium se jospita l-finali tal-UEFA Champions League fl-2023. Fil-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-UEFA f’Ljubljana t-Tlieta li ġej, il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin għandu jikkonferma wkoll lil San Pietroburgu u Munich biex jorganizzaw il-finali tal-2021 u l-2022 rispettivament.

Fil-passat kien jitħabbar stadium kull sena iżda jidher li l-UEFA qed tmur fuq il-ħsieb li tippjana aktar fit-tul. Il-Krestovsky Stadium jilqa’ fih 68,000 spettatur filwaqt li l-Allianz Arena ta’ Munich jilqa’ 75,000 spettatur.

Din il-ħatra ta’ Wembley Stadium se timmarka l-100 sena minn meta nfetaħ l-istadium oriġinali filwaqt li se tkun it-tmien darba li Wembley ospita finali Ewropea. Wembley Stadium li jesa 90,000 spettatur, organizza l-aħħar finali tal-UEFA Champions League fl-2013 meta dakinhar Bayern Munich kienu għelbu lil Borussia Dortmund 2-1. Sentejn qabel, Barcelona kienu rebħu 3-1 kontra Manchester United.

Ceferin mistenni jħabbar ukoll l-isem tat-tielet kompetizzjoni Ewropea għall-klabbs biex tikkumplimenta l-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League. Din il-kompetizzjoni se tkun introdotta fl-2021 u se jkollha format simili bħaż-żewġ kompetizzjonijiet.

Tags