Knisja Kultura Lokali

Il-Mużew tal-Katidral tal-Imdina se jinfetaħ għall-pubbliku

Il-Mużew tal-Katidral fl-Imdina se jkun miftuħ bla ħlas fil-21 u t-22 ta' Settembru

Kostumi, esebizzjonijiet, wirt storiku … dawn u aktar se jkunu esebiti waqt weekend fejn il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jżur il-Mużew tal-Katidral ġewwa l-Imdina bla ħlas. Dan wara li fost oħrajn sar restawr ta’ diversi kmamar u pitturi.

F’dan il-Mużew wieħed isib diversi pitturi, għamara, qniepen u affarijiet oħra li fil-maġġoranza tagħhom huma l-eqdem f’pajjiżna li jmorru lura għas-seklu 17.

“Dakinhar il-pubbliku inġenerali jkun jista’ jgawdi l-kollezzjonijiet li għandna fil-mużew,” qal Monsinjur Edgar Vella ma’ In-Nazzjon, “Hawnhekk għandna pitturi, u fided, fost oħrajn ta’ wirt storiku u nazzjonali.”

Monsinjur Edgar Vella kompla jgħidilna li l-bitħa tal-Mużew se tieħu xejra differenti għal dawn il-jiem.

“Se jkolna artisan market,” saħaq Monsinjur Vella, filwaqt li żied jgħid, “Se nkunu qed nesebixxu xogħol ta’ artiġjanat Malti mhux biss newl, bizzilla u affarijiet oħra ta’ artiġjanar iżda oġġetti tal-ikel bħall-għasel u żejd, u prodotti oħra naturali Maltin.”

Il-post hu tajjeb għal familja kollha hekk kif wieħed jista’ jilbes kostumi u jieħu r-ritratti fil-post filwaqt li hemm ukoll kamra għat-tfal. Dan filwaqt li bħalissa qed isiru l-aħħar preparamenti biex dan il-mużew ikun l-ewwel wieħed f’pajjiżna li jkun attrezzat għal tfal bl-awtiżmu.

“Se jkolna miftuħ ukoll il-kantiena li fiha għandna l-learning centre għat-tfal,” kompla jgħidilna l-Monsinjur,  “Għadna kemm inawgurajnih u fih żewġ filmati, wieħed fuq l-iskultur Malti Anton Agius u l-ieħor fuq ix-xogħol artistiku ta’ Albrecht Durer li tiegħu għandna kollezzjoni importanti ħafna ta’ xgħolijiet oriġinali.”

Dan kollu se jservi biex wieħed ikollu aktar għarfien filwaqt li jsir parti mill-istorja ta’ pajjiżna permezz ta’ dan il-wirt storiku kemm ta’ artisti Maltin iżda wkoll oħrajn barranin.

Il-Mużew se jkun miftuħ nhar is-Sibt 21 u l-Ħadd 22 ta’ Settembru bejn l-10 ta’ filgħodu u s-6 ta’ filgħaxija.

Ritratti: Matthew Tabone